Home Lifestyle #jienavoluntier: It-tifel li jgħix bil-mużika bis-saħħa ta’ Patri Malti

#jienavoluntier: It-tifel li jgħix bil-mużika bis-saħħa ta’ Patri Malti

2 minuti qari

Ġuvnott ta’ 15-il sena minn familja fqira ħafna fil-Filippini se jkun jista’ jwettaq il-ħolma tiegħu li jistudja l-mużika f’Manila, bis-saħħa ta’ Patri Joe Cremona li jaħdem mat-tfal tat-triq.
F’intervista ma’ George Cremona, li qed jagħmel esperjenza ta’ xahrejn fil-Filippini, Patri Cremona mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl jispjega x-xogħol li jsir ma’ tfal tat-triq fiċ-ċentru José de Piro.
Żewġ żagħżagħ oħra diġà qed jistudjaw il-mużika f’Manila fejn qed jingħataw l-għajnuna mill-MSSP.
Mat-tmenin żagħżugħ u żagħżugħa, uħud minnhom bla saqaf fuq rashom għal matul il-lejl, isibu kenn f’dan iċ-ċentru fejn jitgħallmu l-isports, jattendu għall-quddiesa, jieklu u jitgħallmu l-mużika.
Patri Cremona jispjega li t-tfal urew interess li jitgħallmu l-kitarra, l-vjolin u l-pjanu u bagħat xi wħud minnhom ukoll biex jitgħallmu l-vuċi. B’hekk inbniet orkestra ta’ 45 membru tal-kbar bit-tfal jgħallmu lil tfal oħra.
Jgħid li b’hekk it-tfal għandhom opportunità ġdida; fejn qabel l-unika tama tagħhom kienet li jitilqu mill-pajjiż u jmorru jaħdmu fil-Qatar jew l-Għarabjaw Sawdita.