Home Aħbarijiet Kaċċa Park Majjistral: Il-PN b’emenda għall-mozzjoni dwar il-ħin

Kaċċa Park Majjistral: Il-PN b’emenda għall-mozzjoni dwar il-ħin

3 minuti qari

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej fil-Parlament se jressaq emenda għall-mozzjoni kontra l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa u l-insib fil-Park tal-Majjistral.
Il-mozzjoni kienet ġiet imressqa mid-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia.
Fi stqarrija, il-PN spjega li fl-emenda qed isejjaħ għal konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet involuti fil-kwistjoni.
Fakkar li meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jiġu estiżi l-ħinijiet tal-kaċċa u l-insib, il-membri tal-Bord tal-Majjistral, maħtura mill-Gvern stess, ma ġewx ikkonsultati.
Appella lill-Gvern biex jaċċetta l-emenda sabiex il-partijiet kollha jkunu jistgħu jsibu soluzzjoni bejniethom mill-iktar fis.
L-emenda se titressaq minn David Agius, Robert Arrigo u Robert Cutajar.
“Il-PN mhu jagħmel xejn ħlief isaħħaħ lill-Gvern” -PD
Din l-istqarrija ġabet reazzjoni mill-Partit Demokratiku, li ilmenta li b’din l-emenda, id-deputati tal-PN mhux se jagħmlu xejn ħlief ikomplu jżidu l-appoġġ għad-deċiżjoni tal-Gvern.
Il-PD spjega li għalxejn terġa’ tinfetaħ konsultazzjoni fuq kwistjoni li ttieħdet deċiżjoni dwarha snin ilu.
Il-partit sostna li hu tal-fehma li l-ftehim li ntlaħaq meta nfetaħ il-Park, jiġifieri li l-kaċċaturi u n-nassaba setgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom sal-10am, filwaqt li persuni li jixtiequ jżuru l-Park igawduh fil-paċi għall-bqija tal-ġurnata, għandu jibqa’ fis-seħħ, ladarba fi kliemu huwa ftehim “bilanċjat u ġust”. 
Il-PD temm jisħaq li fejn tidħol ġustizzja ambjentali, il-poplu la jista’ jserraħ fuq il-PN u lanqas fuq il-Gvern.  
“Poġġu l-interess nazzjonali qabel dak individwali jew partiġġjan” – Birdlife
Aktar kmieni, Birdlife Malta appellat lill-Membri Parlamentari biex ipoġġu l-interess nazzjonali qabel kull interess individwali jew partiġġjan, meta jiġu biex jiddibattu dwar il-mozzjoni.
Fi stqarrija, BirdLife lmentat li l-Avviż Legali li estenda l-ħinijiet tal-Park għadda mingħajr ma saret ebda konsultazzjoni pubblika mal-partijiet involuti, inkluż il-Bord stess.
Fakkret li l-Bord tal-Majjistral, iffurmat mit-tliet organizzazzjonijiet mhux governattivi Din l-Art Ħelwa, Fondazzjoni Gaia u Nature Trust Malta, kienu tal-parir li l-ħinijiet tal-kaċċa u l-insib ma jiġux estiżi, minħabba li skonthom dan imur kontra l-għan ewlieni tal-Park li jipproteġi n-natura u jippreserva l-biodiversità tal-pajjiż.
BirdLife appellat b’mod partikolari għall-appoġġ tad-deputati Nazzjonalisti, għaliex skontha huma fid-dmir li jħarsu l-Park bħala proġett li tnieda taħt Gvern Nazzjonalista fl-2007.