Kap PN: L-elezzjoni se ssir; Delia mistieden jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu minn jeddu

2 minuti qari

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN għandha tibqa’ għaddejja, iżda li jkun xieraq li Adrian Delia, minn jeddu, jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, bħala kandidat għall-Kap tal-PN.  
Fi stqarrija, il-PN spjega li dan minħabba r-riżultati ċari u serji tal-Kumitat ta’ Etika li twaqqaf apposta nhar it-Tnejn li għadda, biex jeżamina l-allegazzjonijiet riċenti fil-konfront ta’ Delia stess.
Il-Kunsill Amministrattiv illejla ltaqa’ u aċċetta r-rapport tal-Kumitat ta’ Etika u ppubblikah (aqra hawn taħt) b’mod sħiħ għall-benefiċċju ta’ kull votant.
Fost l-oħrajn jgħid li l-Kumitat ta’ Etika sab li “filwaqt li japprezza l-limitazzjonijiet, inkluż ta’ kunfidenzjalità  professjonali li jista’ għandu Dr Delia bħala avukat, iqis li hemm aspetti oħra pendenti li għadhom m’humiex verifikati, u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalità tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi”.
Il-PN jgħid li l-Kumitat ta’ Etika rriżultalu wkoll li “fl-1 ta’ Lujlu 2003 il-Pulizija Ingliża għamlet rejd fuq proprjetà ta’ Healey Properties li kienet mikrija lil terzi, f’liema kumpanija Dr Delia kien Direttur kif kien ukoll Dr Chris Cardona. Mir-rejd irriżulta li l-post kien qed jintuża minn terzi għal skopijiet ta’ prostituzzjoni. Dr Delia u Dr Chris Cardona irriżenjaw minn Diretturi ta’ din il-kumpanija f’Diċembru tal-istess sena.”
Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jinnota li l-Kumitat ta’ Etika ma sab l-ebda dubji fil-konfront tal-kandidati Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said. 
Il-Kunsill iqis li kwalunkwe dubju jew dell, kbir jew żgħir, li jista’ jqum dwar l-integrità ta’ persuna li taspira li tmexxi l-partit, jista’ jikkomprometti lill-persuna u lill-partit.
Jinnota li l-Kumitat qal li persuna idonea biex tkun Kap tal-Partit, trid tkun “persuna ‘l fuq minn kull dubju u suspett dwar l-integrità u l-onestà personali tagħha”.