Home Aħbarijiet ​Każ Droga Għawdex: “L-ebda MP ma ċaħad li ndaħal” – David...

​Każ Droga Għawdex: “L-ebda MP ma ċaħad li ndaħal” – David Agius

minuta qari

Il-Whip Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Agius saħaq li l-ebda deputat parlamentari ma qal li ma kienx wieħed minn dawk involuti fl-indħil politiku fil-każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex.
Il-każ ġie żvelat mill-gazzetta Malta Today nhar il-Ħadd li għadda, li rrappurtat li fis-sajf tal-2014, żewġ Għawdxin kienu ġew arrestati fuq traffikar tad-droga u wara allegat interventi minn uffiċjali politiċi f’kariga għolja, tneħħa r-rapport li fih ammettew l-akkużi.
Dwar il-każ, il-Gvern ħatar inkjesta biex ikunu stabbiliti l-fatti.
Fil-Parlament, David Agius qal li f’daqqa waħda, minflok bi traffikar tad-droga, il-persuna li tressqet il-Qorti ġiet akkużata b’pussess tad-droga.
Staqsa kif il-Prim Ministru jgħid li ma jindaħalx lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar l-investigazzjoni tal-każi, u f’dan il-każ ikun il-Prim Ministru nnifsu li jitlob l-inkjesta.
David Agius irrimarka wkoll li ma ngħatatx data meta se tispiċċa l-inkjesta.
Illum, il-Partit Nazzjonalista qal li l-għażla ta’ Frank Testa biex imexxi l-inkjesta, hi konferma li l-Prim Ministru qed jiddefendi lil dawn il-politiċi, hekk kif huwa viċin il-Ministru Manuel Mallia.