Home Aħbarijiet Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi: Mario Cutajar diskriminat

Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi: Mario Cutajar diskriminat

2 minuti qari

Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi kkonkludiet li d-deċiżjoni li ma jiġġeddidx id-detailing jew trasferiment ta’ Mario Cutajar ma’ Heritage Malta minn mal-Gvern ittieħdet minħabba l-opinjoni politika tiegħu.  
Il-kummissjoni qalet li minkejja li t-tmiem tat-trasferiment tiegħu sar skont il-proċedura korretta, jidhrilha li dak li sar ma’ Cutajar mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika.
Fl-2009 Cutajar fetaħ kawża kontra Heritage Malta u l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, quddiem il-kummissjoni wara li kien reġa ntbagħat lura jaħdem mal-Gvern u ma baqax fil-post tiegħu f’Heritage Malta. Hu ħass li dak li sar miegħu kien diskriminatorju.
Xhieda li dehru quddiem il-Kummissjoni qalu li Cutajar kien imfaħħar minn sħabu, u saħansitra ftit xhur qabel l-elezzjoni tal-2008 kien irċieva ittra mingħand il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage jgħidlu li japprezza xogħlu u ħerqan li jkompli jaħdem miegħu.
Kien dan l-istess Kap Eżekuttiv li kien iffirma l-ittra li biha Cutajar ġie infurmat li l-kuntratt mhux se jiġġeddidlu u li se jerġa’ jintbagħat lura mal-Gvern.
Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fis-sentenza tagħha tat perjodu ta’ 3 snin biex il-partijiet involuti jiftiehmu dwar kumpens mistħoqq lil Cutajar.
Mario Cutajar illum hu Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, kif ukoll Segretarju tal-Kabinett.