Home Kummerċ Kumpaniji Ġermaniżi jinvestu biex jiffrankaw

Kumpaniji Ġermaniżi jinvestu biex jiffrankaw

4 minuti qari

Kważi waħda minn kull ħames kumpaniji Ġermaniżi weħlu spejjeż addizzjonali talli ħallew il-flus fil-bank, b’riżultat tal-politika ta’ rati tal-imgħax negattivi imposta mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Finalment, ikunu anqas minn 10% li jaċċettaw din il-miżata, filwaqt li oħrajn jeħilsu minnha b’negozjati jew billi jibdlu l-bank li jaħdmu miegħu. Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-istitut ekonomiku Ifo ta’ madwar 4,000 kumpanija. Irriżulta li fil-parti kbira tal-każijiet, minflok jeħlu dawn l-ispejjeż, il-kumpaniji ppreferew jaqtgħu wħud mid-djun li kellhom jew inkella jinvestu aktar.
Filwaqt li din il-politika kienet waħda frustranti għall-imprendituri Ġermaniżi, dan l-istħarriġ, li juri li l-kumpaniji biex spiċċaw investew aktar, tati raġun lill-Bank Ċentrali.
Madankollu, il-Ġermanja fl-aħħar ġimgħat kienet minn ta’ quddiem fis-sejħiet lill-BCE biex tibda taqta’ lura minn din il-politika ta stimolu, hekk kif ir-rata tal-għoli tal-ħajja bdiet tgħolli rasha wara perjodu f’livelli baxxi ħafna.
Iżda l-President tal-BCE Mario Draghi enfasizza li l-livell tal-inflazzjoni għadu taħt ir-rata ta’ 2% li hija meqjusa bħala aċċettabbli u s’issa jidher li l-Bank bi ħsiebu ma jiħux deċiżjoni fuq il-programm ta’ xiri ta’ bonds qabel Ottubru.
L-attenzjoni tas-swieq bdiet iddur fuq il-Ġermanja hekk kif Settembru l-poplu se jkun imsejjaħ jivvota f’elezzjoni ġenerali fejn il-Kanċielliera Angela Merkel qed tikkontesta għar-raba’ mandat elettorali tagħha.
Tnaqqis fil-valur ta’ investimenti Ażjatiċi
Investimenti ta’ kull tip fil-kontinent Ażjatiku esperjenzaw tnaqqis fl-aħħar ġranet hekk kif kibru t-tensjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. L-ishma fuq il-Borża ewlenija tal-Korea t’Isfel niżlu fl-aktar livelli baxxi għall-aħħar xahrejn.
Dan iċ-ċaqliq negattiv fis-swieq Ażjatiċi seħħ wara li rapporti fil-ġimgħat indikaw li l-Korea ta’ Fuq kienet iktar qrib li tibni bomba nukleari, u t-theddid mill-istess pajjiż li jattakka t-territorju Amerikan ta’ Guam. Dan wassal għal risposta b’saħħitha mill-President Amerikan Donald Trump li l-Amerika lesta tirreaġixxi b’saħħa li s’issa ħadd qatt ma ra bħalha.
L-indiċi MSCI li jkopri numru ta’ pajjiżi fl-Ażja u l-Paċifiku ħlief il-Ġappun, tilef 1%, il-Borża ta’ Shanghai (Ċina) 1.1% u l-Hang Seng ta’ Ħong Kong niżel 1.6%. L-investituri l-kbar fittxew is-sigurtà f’bonds tat-Teżor Amerikan, fil-munita Żvizzera, il-Frank, kif ukoll fid-deheb.  Fil-fatt, id-deheb laħaq l-ogħla livell għal dawn l-aħħar xahrejn.
Skont analisti tas-suq, dan it-tnaqqis jista’ jiġi mpatti fi ftit ġimgħat, hekk kif tensjonijiet ġeo-politiċi fir-reġjun ġeneralment huma temporanji.
Ċaqliqa ’l fuq għall-prezzijiet taż-żejt
Il-prezz taż-żejt kif ukoll prodotti finanzjarji li jinvestu fiż-żejt, żdiedu ftit fl-aħħar jiem wara tnaqqis tal-produzzjoni fl-Istati Uniti. Il-prezz tal-Brent, li huwa meqjus bħala standard globali, żdied b’18-il ċenteżmu, għal $52.88.
L-inventorji taż-żejt Amerikan naqsu b’6.5 miljun barmil il-ġimgħa li għaddiet, tnaqqis ikbar minn dak li kien mistenni – jiġifieri ta’ anqas minn 3 miljuni. Din kienet is-sitt ġimgħa konsekuttiva li naqset il-produzzjoni Amerikana.
Il-produtturi Amerikani u dawk tal-OPEC issa ilhom numru ta’ xhur jirreaġixxu għal xulxin u b’hekk iħallu s-suq pjuttost stabbli. Min-naħa tagħhom il-pajjiżi tal-OPEC ftehmu li jaqtgħu b’1.8 miljun barmil kuljum sa Marzu 2018, ftehim li ċaqlaq ukoll il-prezzijiet bi ftit ’il fuq.
Madankollu, dan il-ftehim jeskludi lil-Libja u n-Niġerja, li huma żewġ prodotturi pjuttost b’saħħithom.
It-tensjonijiet ġeo-politiċi bejn l-Istait Uniti u l-Korea ta’ Fuq ukoll kellhom kontribut biex ċaqilqu l-prezz taż-żejt ’il fuq. Iżda l-akbar sitwazzjoni taħraq li qed tiġi osservata mill-qrib mill-analisti tas-suq, hija dik fil-Veneżwela, pajjiż produttur importanti, hekk kif il-kriżi kostituzzjonali fil-pajjiż kompliet tikber fl-aħħar jiem u qed thedded it-tmexxija demokratika ta’ dan l-istat tal-Amerika ta’ Isfel.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.