L-Air Malta tbigħ il-Palazz ta’ Selmun lill-Gvern

minuta qari

Il-Palazz ta’ Selmun fil-Mellieħa se jinbiegħ mill-Air Malta lill-Gvern li mbagħad hu mistenni jikri l-post biex jerġa’ jintuża għal skopijiet turistiċi.
Din hi waħda mill-miżuri mil-linja nazzjonali tal-ajru biex tnaqqas it-telf finanzjarju li mistenni jkollha sa tmiem is-sena, u li hu stmat li se jlaħħaq mas-€16-il miljun.
Iċ-chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef, qalet dan f’intervista ma’ The Malta Independent għalkemm ma żvelatx iċ-ċifra li mistennija ddaħħal l-Air Malta b’dan il-bejgħ.
Din hi t-tieni dikjarazzjoni din il-ġimgħa ta’ bejgħ ta’ assi minn kumpaniji tal-Gvern lill-Gvern stess, wara li l-Enemalta biegħet id-Diviżjoni taż-Żejt lill-Gvern għal madwar €80 miljun.