Home Aħbarijiet “L-esperjenzi ta’ missirijietna għandhom iħeġġuna biex naħdmu għall-paċi” – Il-President

“L-esperjenzi ta’ missirijietna għandhom iħeġġuna biex naħdmu għall-paċi” – Il-President

2 minuti qari

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-esperjenzi ta’ kunflitt u vjolenza li għaddew minnhom missirijietna fil-gwerra jistednuna biex nikkonsidraw l-għażliet li qed namlu llum.
Dan qalitu waqt id-diskors tagħha fil-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija li saret fiż-żona ta’ Liesse fil-Belt Valletta.
Il-President irrakkontat kif il-konvoj ta’ Santa Marija ta s-saħħa lill-Maltin u lill-Għawdxin meta kienu f’punt li jaqtgħu qalbhom.
Qalet li temmen li l-esperjenzi tal-Maltin u l-Għawdxin ta’ dak iż-żmien għandhom iħeġġu lil dawk tal-lum biex jaħdmu għall-paċi.
Il-President kompliet tgħid li l-paċi ma tfissirx biss nuqqas ta’ gwerra. Il-paċi pożittiva tintlaħaq ukoll meta noħolqu żoni siguri, ta’ protezzjoni u rispett fejn tkun irrispettata il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.
F’ċerimonja oħra, organizzata mill-Fondazzjoni Wirt Artna u li saret fil-Lascaris War Rooms, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici wkoll tkellem dwar l-importanza tal-Konvoj.
Saħaq li huwa importanti li wieħed jieħ uħsieb l-istorja tal-pajjiż u jibża’ għal postijiet ta’ valur storiku u jieħu sehem f’attivitajiet ta’ re-enactments, li jagħtu ħajja mill-ġdid l-avvenimenti li sawruna.
Ritratti: OPR; DOI – Jason Borg