L-ismijiet bil-Malti ta’ 200 pajjiż u ċittadin se niktbuhom differenti

4 minuti qari

San Mariniż għal xi ħadd minn San Marino, Netherlandiż bħala kelma uffiċjali għall-ċittadin mir-Renju tan-Netherlands, u l-Iżvizzera u l-Iżvezja minflok l-Isvizzera u l-Isvezja.
Dawn huma wħud mill-200 bidla li saru fil-kitba tal-ismijiet tal-pajjiżi u ċ-ċittadini bil-Malti, li ġew ippubblikati dan ix-xahar, frott sitt xhur ħidma mill-Kumitat Tekniku tat-Terminoloġija fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, li hu l-entità governattiva responsabbli mill-qasam lingwistiku tal-ilsien Malti. Dan hu l-ewwel aġġornament mill-Kunsill tal-Malti, f’din il-lista tal-pajjiżi, it-territorji u l-muniti tal-Gwida tal-Istil tal-Unjoni Ewropea, li kienet inħarġet snin ilu.
Ma’ Newsbook.com.mt, Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal li l-Kunsill ma kienx involut fl-ewwel lista li kienet inħarġet għall-istituzzjonijiet Ewropej. Żied jgħid li kif inhu xieraq, il-Kumitat tat-Terminoloġija tal-Kunsill, magħmul minn nies ikkwalifikati fil-lingwistika u l-ilsien Malti, dar il-lista għall-inkonsistenzi ċari li kien fiha u kkoreġa n-nuqqasijiet li kien hemm. 
Thomas Pace spjega li dan għamlu fuq sett ta’ kriterji bbażati fuq l-użu ta’ dawn l-ismijiet f’testi u siti elettroniċi differenti lokali – xhieda ħajja ta’ kif jintużaw l-ismijiet mill-Maltin stess fil-kitbiet tagħhom.
Il-Kunsill irrefera wkoll għas-server elettroniku tar-riżorsi lingwistiċi bil-Malti (MLRS) li fih l-akbar ġabra (korpus lingwistiku) ta’ testi bil-Malti ta’ ġeneri differenti. Spjega li f’dan l-eżerċizzju, għal skop purament politiko-legali, kellha tintgħażel forma partikolari uffiċjali standard.
Pace żied ukoll li, madanakollu fil-Malti xi ismijiet ta’ pajjiżi għandhom aktar minn forma waħda ħajja fl-użu, fosthom Iżrael u l-Iżrael, l-Afrika t’Isfel u s-Sud Afrika, ir-Renju Unit u l-Ingilterra.  Il-Kunsill iqis dawn il-forom alternattivi tajbin ukoll fi kwalunkwe kuntest ieħor bil-Malti, fosthom fil-ġurnaliżmu, fil-letteratura u fil-qasam tal-ivvjaġġar.
Sostna li b’hekk bl-ebda mod mhu “jiċċensura” isem bħal l-Olanda u “jimponi” in-Netherlands.  Spjega li f’kuntest legali tikteb in-Netherlands biex tkun korrett ġeografikament u politikament, imma f’kuntesti oħra hu aktar naturali għall-Maltin li jużaw l-isem l-Olanda.
Ma’ Newsbook.com.mt, Joseph Mizzi, qarrej tal-provi tal-Malti fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, sostna li l-Kunsill ħa ħsieb jagħti tindifa sew u aġġorna l-lista tal-pajjiżi fil-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali tal-Unjoni Ewropea.  
Spjega kif sar studju fil-fond dwar liema huma l-pajjiżi, bliet kapitali, aġġettivi u muniti, li għandhom forma tradizzjonali Maltija, bħaċ-Ċina, il-Marokk, il-Kajr, il-Kenja u Pariġi.
Joe Mizzi semma kategoriji oħra ta’ ismijiet fosthom meta l-isem, minkejja li ma jkollux forma Maltija, ikun jintuża bil-forma ortografika Maltija, bħall-Afganistan u l-Ġordan. L-istess kif f’Malta niktbu Gwardamanġa.
Kategorija oħra hi meta nużaw isem kif waslilna mill-Ingliż u li m’għandu la forma tradizzjonali Maltija u lanqas forma ortografika Maltija, bħal New Zealand, Myanmar, Manchester u Buenos Aires. Simili għal dawn, f’Malta nsibu Paceville u Pembroke.
Min-naħa tiegħu, Prof. Manwel Mifsud, membru fil-Kunsill tal-Malti, spjega li meta wieħed jiddeskrivi l-lingwa, jiddeskriviha fil-punt li jkun qed jgħixha u jġarrabha. Sostna li għalhekk il-Kenja u l-Myanmar jaqgħu f’kategoriji differenti, hekk kif l-isem Kenja laħaq indara, filwaqt li l-isem Myanmar m’ilux wisq li beda jinstema’ fostna.
Il-lista aġġornata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti saret bis-sehem sħiħ ta’ membri mid-Dipartiment tal-Malti, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar u l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta.
Tista’ tara l-lista tal-pajjiżi u t-territorji bl-ismijiet tal-muniti u l-aġġettivi taċ-ċittadini hawn.