“L-Oppożizzjoni se tkun soda fil-ħarsien tal-prinċipji u l-morali” – Adrian Delia

3 minuti qari

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkun soda fil-ħarsien tal-prinċipji u l-morali tal-pajjiż.
Huwa qal dan waqt intervista fuq Radio 101 li matulha tkellem dwar il-mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista u li trid temenda l-Avviż Legali mressaq mill-Gvern dwar l-għoti ta’ leave speċjali lil “ġenituri prospettivi” li jridu trattament tal-IVF.
Dr Adrian Delia qal li l-Prim Ministru pprova jagħti l-impressjoni ħażina li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra li tingħata għajnuna lil dawk il-familji li jkollhom problema ta’ infertilità.
Għal kuntrarju, spjega li l-mozzjoni ma titkellimx fuq min għandu  jingħata l-għajnuna, iżda fuq il-proċedura nnifisha.
Fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni, bl-Avviż Legali kif imressaq, il-Gvern se jkun qed jipprova “jgħaddi mill-bieb ta’ wara,” biex jassisti lil xi ħadd jagħmel xi ħaġa illi f’Malta hija illegali.
Hawn kien qed jirreferi għall-kiri tal-ġuf jew il-gamete donation (donazzjoni tal-bajda tal-mara jew l-isperma).
“Aħna favur li jkun hemm għajnuna lil dawk il-ġenituri li ma jistax ikollhom tfal…imma l-liġi kif ipproponiha l-Gvern mhix konsistenti mal-liġijiet tal-pajjiż,” saħaq Delia.
“Mhux il-Gvern joħloq il-ġid imma l-ħaddiem”
Dwar il-Baġit ta’ għada, il-Kap tal-PN qal li l-ġid joħolqu l-ħaddiem u mhux il-Gvern, u li l-irwol tal-Gvern huwa li jqassam dak il-ġid b’mod ġust biex igawdi minnu anke l-batut.
Qal li l-Oppożizzjoni dan qed tistenna mill-Gvern biex is-surplus ma jkunx biss numri.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-vuċi tan-nies”
Dr Delia tkellem dwar il-ġurament tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u qal li dan jagħtih responsabbilità aktar biex ikun viċin in-nies.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-vuċi tan-nies,” qal Dr Delia.
“Mhux biżżejjed nitkellmu fuq kemm hawn nies jaħdmu”
Adrian Delia tkellem ukoll fuq ix-xogħol u qal li mhux biżżejjed li l-Gvern jitkellem fuq kemm qed jinħoloq xogħol, iżda għandu jitkellem ukoll fuq il-kundizzjonijiet.
“Il-bniedem mhux qiegħed għax-xogħol imma x-xogħol għal bniedem,” qal Dr Delia waqt li tkellem fuq dawk li spiċċaw “skjavi” tax-xogħol biex ilaħħqu mal-ħajja.
Temm jitkellem dwar l-elezzjonijiet għall-karigi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u wera s-sodisfazzjon tiegħu li dawn se jkunu lesti sal-aħħar ta’ Novembru.
"Tassew każ fejn il-mod ġdid hu agħar minn ta’ qablu"
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li b’dak li qal, Adrian Delia kkonferma li jrid jiddiskrimina ma’ nisa Maltin li jmorru għat-trattament tal-IVF barra minn Malta.
“Lil dawn il-familji diġa’ f’diffikultà, Adrian Delia, jrid jgħamlilhom ħajjithom iktar diffiċli,” qalet l-istqarrija.