“L-UE ġġiegħel kumpaniji jikxfu min huma s-sidien; it-trusts jeħilsuha”

2 minuti qari

Rapport f’The Guardian jispjega kif bil-liġi l-ġdida mnebbħa mill-iskandlu tal-Panama Papers u li se tidħol fis-seħħ fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, il-kumpaniji se jiġu mġiegħla jiżvelaw min huma s-sidien tal-istess kumpaniji.
Il-ġurnal ikkwota attivisti kontra l-korruzzjoni li laqgħu b’sodisfazzjon dan il-qbil, li fi kliemhom se jservi ta’ pass ‘il quddiem fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Fl-istess waqt urew id-diżappunt tagħhom li ħafna mit-trusts se jkunu qegħdin jaħarbu minn dan l-iskrutinju.
Jirreferi għar-reviżjoni ta’ termini tar-raba’ direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus, li se tinkludi fost oħrajn li l-kumpanji jiddikjaraw min hu l-veru sid jew is-sid benefiċjarju fuq reġistru li jkun disponibbli għall-pubbliku.
L-informazzjoni dwar is-sidien ta’ trusts għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tat-taxxa. Dan se japplika wkoll għal dawk li huma obbligati jsegwu l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. 
L-istati membri tal-Unjoni Ewropea se jkollhom jivverifikaw l-informazzjoni dwar is-sidien li jkollhom fir-reġistru. Il-liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus u kontra t-terroriżmu għandhom jiġu estiżi għall-muniti diġitali u għal dawk li jipprovdu servizzi ta’ taxxa.
L-Istati Membri se jkollhom 18-il xahar biex idaħħlu din id-direttiva fil-liġi rispettiva tagħhom.
Transparency International EU iddeskriviet dan bħala żvilupp importanti ferm. Spjegat li dan ħoloq standard globali li bih se jiġu ġġudikati l-pajjiżi fejn tidħol trasparenza sħiħa dwar is-sidien tal-kumpaniji.
Sostniet li skont evidenza mill-Bank Dinji, jidher li madwar 70% ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fuq skala kbira jinvolvu kumpanji u trusts anonimi.
Ftit tal-ġranet ilu, il-Gvern Malti ħabbar li se jippubblika ħames Avviżi Legali li bihom se jsaħħal il-liġi Ewropea dwar il-ħasil tal-flus. Din id-direttiva kellha tidħol fil-liġijiet Maltin f’Ġunju li għadda.