Home Aħbarijiet “L-Unjoni Ewropea naqset milli tipproteġi s-Saltna tad-Dritt” – David Casa

“L-Unjoni Ewropea naqset milli tipproteġi s-Saltna tad-Dritt” – David Casa

minuta qari

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, qal li l-Unjoni Ewropea naqset milli tintervjeni meta s-Saltna tad-Dritt (rule of law) ġiet mhedda fil-pajjiżi membri.
Casa qal dan waqt laqgħa fil-Portugal bejn il-Partit Popolari Ewropew u mexxejja ta’ Delegazzjonijiet Nazzjonali.
Fid-diskors tiegħu, David Casa qal li l-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tintervjeni meta s-Saltna tad-Dritt fil-pajjiżi membri tkun taħt theddida.
Fi kliem Casa, meta s-Saltna tad-Dritt tkun mhedda, dan imur kontra t-Trattati tal-Unjoni Ewropea stess.
Huwa saħaq li jekk l-Unjoni Ewropea se żżomm lura, se jkun hemm konsegwenzi negattivi fil-futur.
Waqt l-istess laqgħa, li qed tiddiskuti l-isfidi politiċi tal-Ewropa, l-Ewroparlamentari qal li fiż-żmien meta fl-Unjoni Ewropea qed jiżdied il-populiżmu, huwa l-irwol tal-politiku li jqum u jisma’ x’għandhom xi jgħidu n-nies biex it-tamiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini jkunu indirizzati.
Din il-ġimgħa, Casa għadda ittra lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga s-sitwazzjoni politika f’Malta.
Huwa għadda wkoll ir-rapport tal-FIAU dwar iċ-Chief of Staff Kieth Schembri waqt li saħaq li l-liġijiet li jipproteġu politiċi korrotti għandhom jitneħħew.