Assassinju Daphne: Mill-4 ta’ Jannar l-akkużati jistgħu jkunu ħielsa

3 minuti qari

09:59 Terġa' tqum il-mistoqsija: Tgħid jinstab Maġistrat?
09:58 It-tliet akkużati jinħarġu mill-Qorti u jittieħdu mill-ġdid fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin

09:38 Il-Maġistrat taqra d-digriet u tgħid li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir u għaldaqstant qalet li se tastjeni milli tibda tisma' l-kumpilazzjoni. Irreferiet għal sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani u qalet li ma taqbilx li r-rikuża tagħha se xxekkel milli l-każ jinstema'. 

09:28 Il-Maġistrat Galea tgħid li se tikteb digriet u talbet silenzju assolut.
09:22 Battibekk bejn Dr Azzopardi (parte civile) u Dr Fenech (difiża), b'tal-aħħar jgħid lil Azzopardi biex ma jagħmilx teatrini u li "hawn mhux il-Parlament".
09:19 Dr Martin Fenech, li qed jirrappreżenta lil Vincent Muscat (Il-Koħħu) kellu numru ta' oġġezzjonijiet għall-verbal li qara Dr Jason Azzopardi. Qal li kull ġudikant għandu jħossu li m'hemmx preġudizzju kontra tiegħu, u li l-kliem bħal 'nomina kompletament diżgustanti' iwassal biex il-Qorti tkun preġudikata.
09:17 Fisser kif il-parte civile tħoss li għandha dritt u dover "turi l-għadab tagħha għad-dewmien biex jibda l-ġbir tal-provi f'każ li fih inqatlet omm, mara, bint u ġurnalista, f'attakk terroristiku maħsub, u li tefa' lill-pajjiż f'allarm u xokk." Kompla jgħid li qed jagħmel appell lill-Qorti, biex ma titħalliex li tkun manipulata minn min irid jevadi l-kors tal-Ġustizzja. Fakkar li d-doveri tal-Maġistrat mhumiex li jiddeterminaw il-ħtija jew l-innoċenza tat-tliet imputati, imma li tippresjedi l-ġbir tal-provi. 
09:15  Qal ukoll li ż-żmien tal-arrest preventiv se jiskadi ftit inqas minn 20 xahar mil-lum u li huwa ovvju li l-imputati għandhom kull interess li l-proċeduri jitwalu. Fakkar ukoll li l-imputati jafu wkoll li inqas minn 30 jum ieħor se jiskadi t-terminu għall-għeluq tal-kumpilazzjoni, li jfisser li l-akkużati jiġu lliberati, sakemm ma titlobx li jiġġedded iż-żmien il-President ta' Malta. 
09:14
 Dr Jason Azzopardi, wieħed mill-avukati tal-familja Daphne Caruana Galizia, jaqra verbal, fejn stieden "b'umiltà lill-Maġistrat biex tkompli bid-doveri tagħha". Saħaq li l-astensjoni jew rikuża tal-Maġistrat se tikkawża ħsara irreparabbli lejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. 
09:13 Il-Prosekuzzjoni ma ssibx oġġezzjoni, minkejja d-dikjarazzjoni tal-Maġistrat. Id-difiża toġġezzjona.
09:11 Il-Maġistrat Galea tagħmel dikjarazzjoni li meta kienet tippratika bħala avukat kellha każ ta' libell kontra l-ġurnalista. Żiedet tgħid li l-vittma kitbet iktar minn artiklu wieħed fuq in-nomina tagħha bħala Maġistrat. Saħqet li l-istess vittma rreferiet għan-nomina tagħha bħala kompletament diżgustanti.
09:05  L-akkużati jiddaħħlu fl-awla.
09:03 Tidħol fl-awla l-Maġistrat Charmaine Galea.  Jistennew fl-awla l-ġenituri tal-ġurnalista, u tnejn minn ħutha. L-armel tagħha fuq il-bank mal-avukati.
08:58  It-tliet akkużati jaslu l-Qorti bil-vann tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mistennija tibda tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati mixlija bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Oriġinarjament il-kumpilazzjoni kellha tibda tinstema' nhar il-Ħamis li għadda, iżda l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba tal-akkużati li ma tismax il-każ, minħabba li sal-1983 kienet l-iskola ma' oħt il-vittma.
Ritratt u Filmati Live: Ian Noel Pace