“Ma sabu xejn kontrija” – Delia; “Kieku jien nirtira l-kandidatura” – Busuttil

2 minuti qari

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li mhux beħsiebu jirtira l-kandidatura tiegħu iżda l-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien ta’ fehma differenti.
Waqt li kien qed jindirizza lill-ġurnalisti, quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-Kunsill ta’ Etika ma sab xejn ħażin fil-konfront tiegħu u għalhekk saħaq li meta l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista talbu biex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, kien qed jgħawweġ il-fatti.
Iddeskriva dan bħala attentat mill-establishment biex ittappanlu ismu u r-reputazzjoni tiegħu mal-votanti.
Tard ilbieraħ filgħaxija, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN għandha tibqa’ għaddejja, iżda li jkun xieraq li Adrian Delia, minn jeddu, jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, bħala kandidat għall-Kap tal-PN. 
Fi stqarrija, il-PN spjega li dan minħabba r-riżultati ċari u serji tal-Kumitat ta’ Etika li twaqqaf apposta nhar it-Tnejn li għadda, biex jeżamina l-allegazzjonijiet riċenti fil-konfront ta’ Delia stess.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kkwotat il-parti tar-rapport fejn jingħad li “filwaqt li japprezza l-limitazzjonijiet, inkluż ta’ kunfidenzjalità  professjonali li jista’ għandu Dr Delia bħala avukat, iqis li hemm aspetti oħra pendenti li għadhom m’humiex verifikati, u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalità tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi”.
Adrian Delia qal li ħadd ma ppreżenta l-ebda prova dwar il-kont li l-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li għandu f’Jersey u li ħadd ma sab xejn ħażin fil-konfront tiegħu.
Saħaq li wara l-laqgħa huwa ltaqa’ tal-Kunsill Amministrattiv huwa ltaqa’ mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u talbu jispjegalu x’għamel ħażin. Kompla jgħid li
Simon Busuttil ma weġbux.
“Kieku kont flok Delia jien kont nirtira l-kandidatura” – Simon Busuttil
Intant waqt li Delia kien qed jiġi intervistat f'programm fuq One, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li kieku hu kien flok Adrian Delia kien jirtira l-kandidatura tiegħu.
Simon Busuttil qal li fl-aħħar mill-aħħar il-votanti se jkollhom l-aħħar għażla.