Malta Industrial Parks tgħin fir-restawr tal-faċċata ta’ Din l-Art Ħelwa

minuta qari

Il-Malta Industrial Parks Ltd għamlu donazzjoni ġeneruża lil Din l-Art Ħelwa sabiex din l-organizzazzjoni tkun tista' tagħmel xogħol ta' restawr fil-faċċata tal-bini fejn għandha l-uffiċini tagħha ġo Palazzo Nobile fi Triq Melita, kantuniera ma' Triq Il-Fran, Valletta. 
Tony Zahra, Chairman tal-Malta Industrial Parks Ltd, żar il-kwartieri ġenerali tal-Assoċjazzjoni flimkien ma’ Maria Grazia Cassar, Kap Eżekuttiv, u Simone Mizzi, Viċi Kap, li esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom għal din l-għotja ġeneruża li ngħatat eżatt fis-sena li qed tfakkar il-ħamsin anniversarju ta' Din l-Art Ħelwa. 
Zahra qal li hu tassew xieraq li l-Malta Industrial Parks taw il-kontribut tagħhom sabiex ix-xogħol f'din ir-rokna hekk prestiġjuża tal-belt Valletta tieħu xeħta tassew siewja fis-sena tal-50 anniversarju ta' DLĦ, qabel il-Belt Valletta ssir il-Kapitali tal-Kultura tal-Ewropa fl-2018.