#MaltaFiles: Il-mexxejja politiċi għadhom ma ltaqgħux

3 minuti qari

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma kkuntattjax lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex jiddiskutu kif il-pajjiż jista’ jirreaġixxi għall-ħsara li tista’ tiġri lil Malta wara l-pubblikazzjoni tal-#MaltaFiles.
Il-MaltaFiles ġew żvelati minn konsorzju ta’ ġurnalisti Ewropej li skoprew 150,000 dokument li skont huma juru li Malta qed tintuża bħala bażi għall-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qalu li qed jintqalu ħafna affarijiet mhux vera, peress li Malta mhix tax haven u l-anqas ma hawn kumpaniji off shore.
Is-Sibt il-Prim Ministru għamel appell għall-front komuni. L-għada l-Kap tal-PN qal li huwa lest biex jikkopera mal-Prim Ministru.
“Lest niddiskuti ma’ Simon Busuttil iżda…” – Joseph Muscat
Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, Dr Joseph Muscat qal li hu lest li jiltaqa’ mal-Kap Nazzjonalista dwar il-Malta Files.
Madankollu saħaq li kien qiegħed jistenna rieda tajba min-naħa tiegħu u “mhux joqgħod imur il-Parlament Ewropew irewwaħ kontra Malta”.
Dr Muscat saħaq li Simon Busuttil irid jikkollabora fuq kollox mingħajr ebda kundizzjonijiet.
“Dr Muscat moħħu biss biex isalva ġildu” – Simon Busuttil
F’konferenza li saret aktar kmieni, fil-Belt Valletta, għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Dr Simon Busuttil qal li Joseph Muscat baqa’ ma kkuntattjahx dwar il-MaltaFiles, minkejja li l-Ħadd filgħodu esprima d-disponibbiltà tiegħu. Saħaq li dan juri li Dr Muscat ma jistax jittieħed bis-serjetà.
Simon Busuttil stqarr li l-Mexxej Laburista “moħħu biss biex isalva ġildu, ġild il-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri".
Semma d-dispjaċir tiegħu għall-MaltaFiles, u sostna li ma jaqbel xejn magħhom. Saħaq li f’Malta m’hawnx l-istrutturi offshore li ssemmew u li Malta mhix ġenna għall-iskartar tat-taxxa.
Is-Sibt, Newsbook.com.mt tkellem ma’ espert fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, li qal li minħabba diversi abbużi li saru, Malta qed tipperikola bis-serjetà l-kollass u t-tkissir tas-servizzi finanzjarji.
L-espert kompla jgħid li l-fatt li membri ewlenija tal-Gvern ta’ Joseph Muscat kienu mdaħħlin fl-iskandlu tal-Panama Papers, għamel ħsara irreparabbli lil Malta u lill-qasam tas-servizzi finanzjarji, li huwa fus ewlieni fl-ekonomija Maltija.
Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali Francis J. Vassallo, li waqt il-programm Follow Up fuq RTK qal li l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-Panama Papers u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru Joseph Muscat xekklu lil Malta.