Malti jitlef lil qrabatu fuq l-ajruplan li twaqqa’ fl-Ukraina

3 minuti qari

Malti tilef tliet qraba tiegħu fuq l-ajruplan tal-Malaysia Airlines li twaqqa' f'attakk nhar il-Ħamis li għadda u li ħalla 298 vittma.
Ma' Newsbook.com.mt, Stephen Serracino Inglott qal li għadhom ixxukkjati bl-aħbar li fuq l-istess ajruplan kien hemm ħu l-mara tiegħu Paul, flimkien ma' martu Shuba u binthom, li kienet se tagħlaq sentejn f'Awwissu li ġej.
Stephen irrakkonta kif saru jafu nhar il-Ħamis stess, meta martu Els irċeviet telefonata mingħand ħuha Willem, li qalilha, li Paul u l-familja tiegħu setgħu kienu fost il-vittmi tal-ajruplan li twaqqa'.
Aktar tard ikkonfermaw li Paul, Shuba u binthom, fil-fatt kienu abbord it-titjira MH17. Bejn l-4 u s-7 ta' Lulju,  Paul u l-familja tiegħu kienu Malta, fejn ġew iżuru lil Els. 
Meta Willem ċempel lil Els, inzertat kienet barra mat-tifel u ħabiba tagħha, u bix-xokk li ħadet ma setgħetx issuq lura d-dar. Stephen spjega li kienet il-ħabiba tagħha li ċemplitlu biex tinfurmah x'ġara u mar għalihom. Qal li sakemm sabu s-saħħa biex jerġgħu lura d-dar, ċemplulu l-qraba Malażjani biex ikunu jafu n-numru tat-titjira li rikbu Paul u familtu, u "kelli nkun jien li nagħtihom l-aħbar il-ħażina."
Stephen qal li f'dan l-istadju jinsab f'kuntatt kontinwu kemm mal-qraba Olandiżi kif ukoll ma' dawk fil-Malażja, biex jaqsmu kull aħbar li jkollhom.
"Il-linja tal-ajru Malaysia Airlines kellmu lil Willem u Els, li lbieraħ marret l-Olanda, u għalkemm bi ftit impjegati dehru ġentili u organizzati," żied jgħid Stephen.
Qal ukoll li l-awtoritajiet Olandiżi organizzaw konferenza għall-qraba biex jgħaddulhom l-informazzjoni li kellhom. Għada se terġa' tiġi organizzata laqgħa oħra f'lukanda qrib l-ajruport ta' Schippol.
Stephen spjega li għad m'għandhomx dettalji dwar il-katavri ta' qrabatu, iżda milli sema' r-ribelli ħadu kontroll tal-katavri kollha li kienu nġabru u poġġewhom fuq ferrovija refriġirata.
Serracino Inglott qal li kienu jippruvaw jiltaqgħu spiss u "qatt ma bsarna li din kienet se tkun l-aħħar darba."  Iddeskriva l-familja ta' ħu Els bħala "familja tassew magħquda."   Tenna li “Paul u Shuba kienu maħluqin għal xulxin, u t-tifla kienet brava u gustuża wisq.”  Paul li hu Olandiż u kellu 33 sena, kien jaħdem ma’ kumpanija li tesporta materjali elettroniċi fil-Malażja, filwaqt li Shuba ta' 38 sena, kienet attriċi fil-Malażja u xtaqet tkompli taħdem fuq il-karriera tagħha barra pajjiżha.