Meta l-Ġustizzja ddum ma sseħħ…

    4 minuti qari

    Għadna kemm  smajna bil-każ ta’ William li tressaq il-Qorti fuq akkuża serja ħafna ta’ traffikar ta’ droga qrib skola li seħħet 14 il-sena ilu.
    Kienu ħafna li taw l-opinjoni tagħhom kif inhu d-dritt tagħhom, imma wieħed irid jifhem sew x’kien il-każ u x’qed nistennew li jsir. Naħseb kulħadd qabel li l-każ ma kienx wieħed ħafif, anzi kien serju ħafna tant li kienet l-akbar qabda ta’ droga Ecstasy sa dak in-nhar. Seħħ qrib skola u kif jafu ħafna dan ikompli jikkontribwixxi għall-gravità tal-każ.
    Illum William huwa rijabilitat – ħalla l-vizzju tad-droga warajh u qed jgħix ħajtu. Smajna li anke beda negozju u kien sejjer tajjeb. Opinjoni pubblika kienet li jekk jintbgħat il-ħabs kif titlob il-liġi, kien se jintilef dak kollu li sar miegħu sabiex jirrijabilita ruħu u jerġa’ jaqa’ fejn kien. Nafu li l-ħabs iġib miegħu ċerti problemi ukoll.
    Din id-diskussjoni nqalet għax il-każ ta’ William tressaq il-qorti wara 14 il-sena li seħħ. Il-gravità tal-każ kif kien, ma nbidlitx imma minnħabba ż-żmien li għadda u minħabba li dan ir-raġel għażel li flok jibqa’ fit-triq u jibqa’ jgerfex, fittex l-għajnuna u ħareġ minn dan il-vizzju, issa sibna sitwazzjoni li ħaqqu jħallas ta’ dak li għamel lis-soċjetà imma fl-istess ħin irridu nirrikonoxxu li dan ħadem fuqu nnifsu u ħalla l-vizzju warajh. Wara kollox biex jerġa’ jkun membru produttiv fis-soċjetà.
    Iż-żmien ikomplika ħafna l-affarijiet. Kien ikun ħafna aktar ġust kieku tressaq il-qorti ftit taż-żmien wara li seħħ il-każ u kien jgħaddi mill-proċess dak in-nhar. Imma dan tressaq wara 14 il-sena!
    Qorti ddedikat għall-każi tad-droga ilu jiġi diskuss u diġà hemm elementi qawwija fil-qrati tagħna li jieħdu ħsieb aspetti varji ta’ din il-problema. Nafu ukoll li Maġistrati u Mħallfin partikulari jieħdu nteress partikolari f’dawn il-każijiet u jittrattawhom bil-kura li jinħtieġu, iżda s-sistema għadha tħalli episodji bħal dawn iseħħu. Kif nistgħu ngħidu li qed issir ġustizzja meta każ jasal quddiem il-qrati wara 14 il-sena?
    X’għażliet kellu quddiemu William? Jibqa’ fit-triq u jibqa’ jħawwad, jibqa’ jieħu sustanzi varji u minn droga jgħaddi għal oħra u min jaf fejn kien jispiċċa? L-għażla l-oħra kienet dik li fil-verità ħa. Għażel li jidħol fi programm u ħadem fuqu nnifsu u ħareġ raġel lest biex jieħu r-responsabiltà ta’ ħajtu. F’dan kollu rridu nirrikonoxxu li William ma kienx waħdu. Minn jaf kemm social workers, probation officers, care workers, it-tobba u n-nurses tad-Detox, outreach workers u l-familjari ta’ William taw sehemhom u mxew miegħu. Daqqa ftehmu u qablu miegħu dwar x’kellu jagħmel u daqqa ma qablux għax mhix faċli t-triq imma fl-aħħar, William irnexxielu. Qed ngħid hekk għax din ta’ William u oħrajn bħalu mhix xi ħaġa ħafifa u trid ħafna mpenn imma ħafna minn dawk li f’ħin jew ieħor jidħlu f’xi programm sabiex jirabilitaw ruħhom, ikollhom is-sodisfazzjon li jħallu l-problema warajhom. Forsi mhux kulħadd jemminha din u tajjeb li ngħidu li wieħed jista’ jaqa’ aktar minn darba, imma ħafna llum ħallew il-problema warajhom u qed jgħixu fis-soċjetà b’responsabiltà.
    F’dan il-każ, il-Qorti għamlet l-aħjar li setgħet tagħmel meta tat is-sentenza tagħha imma dan ma jfissirx li m’hemmx x’nistgħu nitgħallmu. L-aktar ħaġa li tispikka huwa d-dewmien. Min kien reponsabbli ta’ dan id-dewmien?  Faċli ngħidu s-sistema imma għalija din mhix risposta.  Jien jinteressani nkun naf meta tressaq l-ewwel darba, jekk u meta kien hemm diferimenti u għaliex dawn kienu mitluba u minn min. Imbagħad jista wieħed jitkellem. Naħseb anke hawn irridu linji gwida li joħolqu l-parametri sabiex d-drittijiet ta’ min ikun f’sitwazzjoni vulnerabbli jkunu mħarsa. William ma kienx l-ewwel każ ta’ din ix-xorta:  naf oħrajn li forsi ma kellhomx l-istess publiċità imma sofrew ħafna ukoll – nittama li William jibqa’ qawwi u joħroġ mill-ħabs u jkun jista’ jkompli b’ħajtu imma x’qed isir sabiex ma jkollniex stejjer oħra bħal din?

    Sina Bugeja

    CEO Special Projects

    MInisteru tas-Saħħa