Home Aħbarijiet Nuqqas ta’ għalliema: L-MUT thedded b’azzjoni industrijali

Nuqqas ta’ għalliema: L-MUT thedded b’azzjoni industrijali

2 minuti qari

Il-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT), lesta tordna azzjoni industrijali jekk il-Ministeru ma jindirizzax “il-kriżi” ta’ nuqqas ta’ għalliema u jekk l-ftehim settorjali ma jkunx sodisfaċenti.
L-MUT qalet dan fi stqarrija wara li Newsbook.com.mt irrapporta li diversi studenti li qed jistudjaw biex isiru għalliema, intalbu jiddedikaw ftit ħin biex jgħallmu fl-iskejjel li għandhom postijiet vakanti ta’ għalliema f’diversi suġġetti.
Fl-istqarrija, l-MUT qalet li ħassitha offiża bl-imejl mibgħuta mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u li turi l-mod kif qed ikunu ttrattati l-għalliema.
Kompliet tgħid li l-imejl turi nuqqas ta’ rispett lejn il-professjoni ta’ ħafna edukaturi li ħadmu u għamlu sagrifiċċji biex kisbu l-kwalifikazzjoni tagħhom.
“Inizjattiva bħal din tirriduċi l-professjoni tal-għalliema bħala xi ħaġa bla valur fejn kulħadd jista’ jqum filgħodu u jiddeċiedi li jkun għalliem.”
Qalet ukoll li l-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, għawweġ il-fatti meta qal li hemm post għal erba’ għalliema full-time u 4 għalliema part-time fi skejjel sekondarji,
Saħqet li għadd ta’ edukaturi li ngħataw promozzjoni reġgħu spiċċaw fil-klassijiet, oħrajn kienu sfurzati jgħallmu suġġetti oħra u klassijiet f’diversi skejjel qed jabżu l-massimu ta’ studenti li suppost jinkludu.
L-MUT kompliet tgħid li s-sitwazzjoni hija ħafna iżjed gravi meta wieħed iqis li n-numru tal-gradwati dejjem qed jonqos.
Temmet tisħaq li l-Ministeru, flok jiġġustifika din id-deċiżjoni li tirranġa s-sitwazzjoni għal ftit ġimgħat biss, għandu jara kif se jindirizza l-problema.

Ritratt: Ian Noel Pace