Trab mill-Etna jasal sa’ partijiet minn naħa t’isfel ta’ Malta

minuta qari

Id-distanza relattivament qasira bejn Malta u Sqallija spiss tiġi nnutata meta l-viżibilità tkun waħda ċara u wieħed faċilmement jilmaħ il-muntanja Etna minn xi akwati madwar Malta u Għawdex. Iżda dan kompla jiġi kkonfermat f’dawn l-aħħar jiem hekk kif partiċelli ta’ trab iswed fin magħmul mil-lava wasal saħansitra fuq bjut u parapetti ta’ djar fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Jidher li attività vulkanika fuq l-Etna wasslet biex dawn il-partiċelli taru fl-ajru u ħolqu nugrufun li bl-għajnuna tar-riħ wasal fuq il-Gżejjer Maltin. Diversi residenti minn naħa t’isfel ta’ Malta fosthom, minn Ħal-Safi, ż-Żurrieq, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien irrappurtaw ma’ Newsbook li din kienet xi ħaġa li mhux normalment jiltaqgħu magħa.

Huwa rrappurtat li l-Etna fl-aħħar ġimgħat kienet attiva iktar mis-soltu bl-attività vulkanika tkompli tintensifika fl-aħħar 48 siegħa.