Rapport Ewropew juri li r-razziżmu jinħass f’diversi sferi tal-ħajja Maltija

2 minuti qari

Il-biża mill-Iżlam u d-diskriminazzjoni kontra persuni Musulmani għadha tinħass sewwa f’ħafna pajjiżi Ewropej, u l-preġudizzju lejn persuni Musulmani hija aktar għolja milli dik lejn gruppi etiniċi oħra.

Dawn kienu wħud mill-konklużżjonijiet ta’ rapport maħruġ mill-European Network Against Racism (ENAR). Ir-rapport kien dwar ir-razziżmu fl-Ewropa bejn l-2011 u l-2012.
F’Malta instabu numru ta’ punti nkwetanti. Fost dawn hemm li l-komunità Musulmana f’Malta tiġi ġerenalizzata f’termini bħal ‘Afrikani’ u ‘illegali’.

Instab li r-razziżmu jinħass f’diversi sferi tal-ħajja Maltija, fost oħrajn fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni, ix-xiri jew kiri ta’ djar, fis-servizzi tas-saħħa, il-mezzi tax-xandir, il-parteċipazzjoni politika, fl-aċċess għall-prodotti u servizzi u proċessi ta’ ġustizzja kriminali. Kien hemm ukoll ċirkostanzi li wasslu għal rapporti dwar mibgħeda razzjali. Persuni min-nofsinhar tas-Saħara fl-Afrika huma l-iktar vulnerabbli għal diskriminazzjoni.

Fuq nota aktar pożittiva, kien hemm żviluppi fejn tidħol il-liġi. Fost oħrajn komplew jitwessgħu l-liġijiet dwar l-ugwaljanza u kompla jitjieb ix-xogħol ta’ organizazzjonijiet non-governattivi. Dawn bdew isemmgħu aktar leħinhom f’livelli li jaffetwaw il-liġijiet tal-pajjiż.

Jean Pierre Gauci mill-fondazzjoni People For Change qal li hemm bżonn li kull organizazzjoni u entità taħdem b’mod strateġiku u kordinat favur il-qerda tad-diskriminazzjoni.