Awdjo: “Sibt il-bieb fjamma” – Is-sagristan tal-knisja l-qadima ta’ Birkirkara

minuta qari

Kmieni dalgħodu xi ħadd mhux magħruf qabbad il-bieb tal-Knisja ta' Santa Marija ta' Birkirkara, magħrufa aħjar bħala l-Knisja l-Qadima.
Newsbook.com.mt tkellem mas-sagristan Willy Catania li mar jiġri l-knisja malli l-Kappillan, li jinsab imsiefer, infurmah b'dak li kien ġara.
Catania spjega li malli wasal sab il-bieb tal-knisja jaqbad u minnufih mar iġib bramel tal-ilma biex jikkalma n-nirien.
Spjega kif anke nies li joqogħdu fil-viċin ġabu l-ilma u taw l-ewwel għajnuna.
Is-Sagristan qal li huwa ċar li xi ħadd tefa' xi spirtu u qabbad il-bieb u ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan seta' kien biss inċident.
Minkejja li l-bieb qabad sew, ma jidhirx li hemm ħsara fuq ġewwa tal-knisja, ħlief daħna kbira.
Kelliem għall-Pulizija qal li l-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30am.
Fl-aħħar jiem, din il-komunità parrokjali għamlet appell, wara l-inċident f'Ta' Ġieżu r-Rabat, biex l-awtoritajiet jieħdu ħsieb din il-knisja li għandha ħsarat kbar.
Għalkemm mhux magħruf eżatt meta bdiet tinbena din il-knisja, xi kotba jsemmu l-1607 bħala s-sena meta beda x-xogħol. 

Ritratti: Andrea Pace