Home Lifestyle Ritratti: “Mhux allarm, imma aħjar nippreparaw”

Ritratti: “Mhux allarm, imma aħjar nippreparaw”

2 minuti qari

Kienu bosta dawk li lbieraħ ikkummentaw fuq artiklu ta’ Newsbook.com.mt dwar il-possibiltà ta’ ħalba xita wara l-istaġun tas-sajf, għax dehrilhom li dan huwa allarm falz.
Iżda l-artiklu sar mhux biex jallarma lil xi ħadd, iżda biex dak li jkun ikun preparat, kif jgħid il-Malti, bniedem avżat nofsu armat.
Kemm-il darba tara tappieri jinqalgħu minn posthom minħabba għargħar f’daqqa? Inkella tkun ilek sajf tgħid li tixtieq tirranġa xi nħawi fid-dar, u maltempata taqbdek fuq sieq waħda?
Kienu dawn ukoll il-kummenti ta’ Andrea Muscat, li jmexxi l-paġna Gozo Weather Page u li lilu Newsbook.com.mt kellem qabel inkiteb l-artiklu.
Muscat fakkar fi tmiem is-sajf tal-2003, l-2007 u l-2012, meta maltempati mdaqqsin seħħew f’Settembru.
Huwa enfasizza li b’dan l-artiklu ħadd ma kien qed iħarref, kif ħasbu xi wħud, anki mill-kummenti fuq il-mezzi soċjali.
Kien hemm oħrajn li qalu sempliċiment, “Xemx u xita, Alla jaf mita”, oħrajn ikkonfermaw il-ħsara li tista’ tagħmel maltempata f’daqqa billi fakkru kemm il-kanal far u ġġammja t-traffiku.
Finalment, filwaqt li wieħed jifhem l-allarm ta’ xi wħud, huwa tajjeb ukoll li tavża lil dak li jkun x’jista’ jiġri.
Ritratti: Ian Noel Pace