Se jitwaqqaf forum tal-kandidati u eks deputati tal-PN

minuta qari

Il-kandidati u l-eks deputati eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista huma mezz essenzjali u b’saħħtu li bih il-partit jiżgura li jkun dejjem aktar viċin in-nies. Dan sostnieh il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil meta ħabbar il-ħatra ta’ Therese Comodoni Cachia u Richard Muscat bħala co-Chairpersons għall-Forum tal-Kandidati u għall-eks Deputati li se jitwaqqaf matul ix-xhur li ġejjin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Iż-żewġ co-Chairpersons se jikkordinaw il-proċess li għandu jwassal biex fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jinħoloq forum li jiġbor fi ħdanu l-kandidati u l-eks deputati tal-Partit Nazzjonalista bil-għan li jkunu aktar involvuti fil-ħidma tal-partit u anke jsir l-aħjar użu mill-esperjenza tagħhom.

Dr Simon Busuttil sostna li t-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista tħares ‘l quddiem lejn sehem akbar mill-kandidati u l-eks deputati fil-ħidma u l-isfidi politiċi li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu matul ix-xhur u s-snin li ġejjin.