Suċċess Malti f’Sanremo D.O.C

2 minuti qari

Għadd ta’ kantanti Maltin iddominaw b’rebħa assoluta l-festival Taljan ta’ Sanremo D.O.C. Il-kantanti jiffurmaw parti mill-akkademja tal-kant La Voix immexxija minn Gillian Attard.

L-aqwa interpretazzjoni ta’ kant tintrebaħ mill-kantanti Veronica Rotin u Kelsey Farrugia. L-aqwa interpretazzjoni tintrebaħ ukoll minn Kelsey Farrugia li hija l-unika kantanta li rebħet żewġ premjijiet f’Sanremo D.O.C. L-aqwa teknika vokali tintrebaħ minn Casey Schembri.

Fit-tielet post ikklassifikat il-kantanta Kylie Meilaq. Il-kantant Malti Jasmar Azzopardi ikklassifika fit-tieni post mal-kantant Taljan Claudio Tropea. Il-kantanta Federica Falzon tirbaħ l-ewwel post filwaqt li l-‘Grand Prix Overall Cup’ tintrebaħ mill-kantant Jean Claude Azzopardi bil-kanzunetta ‘Il Mare Calmo Della Sera’.

Il-premju tal-ġurnalisti f’Sanremo D.O.C jintrebaħ minn Kelly Rotin. Il-kantanta Gaia Cauchi kienet il-mistiedna speċjali wara li s-sena l-oħra kisbet l-ewwel post ġewwa Sanremo u din is-sena tat interpretazzjoni eċċellenti ta’ ‘Un Amore Cosi’ Grande’ u ‘I am telling you’. Il-kantanti Clive Gauci u Kym Abela taw interpretazzjoni tajba ħafna tal-kanzunetta tagħhom.

B’sodisfazzjon kbir Gillian Attard qalet li hija kburija bl-istudenti kollha tagħha u bl-interpretazzjoni tagħhom. Gillian Attard stqarret li dan is-suċċess huwa kollu frott il-ħafna xogħol li sar minn qabel. Hija qalet li ma kinitx mistennija din ir-rebħa kbira u tirringrazzja lil kull min b’xi mod għen lil dawn it-tfal biex ġabu unur tassew kbir lil Malta.