Susa perikoluża għatba ‘l bogħod minn Malta

2 minuti qari

Susa sewda taz-zkuk qed teqred is-siġar tal-ħarrub għatba ’l bogħod minn Malta.
Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qal fi stqarrija li s-susa bl-isem xjentifiku ta’ Xylosandrus Compactus ġiet innutata f’Ragusa Sqallija fir-Rebbiegħa tas-sena l-oħra, fejn qerdet ħafna friegħi mis-siġra tal-ħarruba.
Filwaqt li l-awtoritajiet Taljani nedew miżuri sabiex dan l-insett jiġi kkontrollat, dan infirex matul is-sajf u l-ħarifa.
Id-Direttorat bħalissa jinsab għaddej b’kollaborazzjoni mal-Università sabiex jiġbor aktar dettalji u jkun armat jekk din il-ħanfusa titfaċċa Malta. Sa issa għadhom ma ġewx rappurtati każi ta’ dan l-insett f’Malta.
Il-kobor ta’ dan l-insett ivarja bejn il-1.4mm u l-1.9mm, u għandu forma kemxejn tonda u ċilindrika, u huwa ta’ lewn kannelli jew sewdieni.
Il-vittmi ta’ dan l-insett bosta drabi huma siġar u arbuxelli li jkunu diġa ddgħajfu minn qabel, iżda ġew rappurtati każi ta’ siġar friski li nqerdu mis-susa.
Id-Direttorat irrimarka li din hija waħda mill-ftit susi li jinfestaw u jeqirdu pjanti b’saħħithom, u tappartjeni għal familja ta’ susa li hi differenti mill-familji l-oħra minħabba l-mod kif tħaffer fiz-zokk.