Aġġornata: Taqla’ daqqiet ta’ sikkina, jindarbilha binha, tinħarqilha d-dar u jaqa’ saqaf

minuta qari

Yana Mintoff, bint l-eks-Prim Ministru Dom Mintoff u binha, ilbieraħ filgħaxija ġew attakkati b’daqqiet ta’ sikkina.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10pm fil-villa tagħha f'Ħal Tarxien.
Qed jiġi allegat, li d-daqqiet ingħataw mis-sieħeb ta’ Yana Mintoff, li huwa Rumen ta’ 39 sena waqt argument fir-residenza tagħhom. Binha indarab wara li pprova jwaqqaf l-argument. 
Barra minn hekk, meta hi u binha marru għall-għajnuna medika fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, l-aggressur ta n-nar lill-villa. Kemm Mintoff kif ukoll binha aktar tard ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura. Huma sofrew ġrieħi ħfief.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post biex jitfu n-nirien, li wasslu biex sfronda saqaf.
Il-Pulizija bdew ifittxu l-aggressur, li aktar tard instab mimli demm, jistaħba f’siġra.
Huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.