“Tortura kbira li tkun separat mill-qraba b’intenzjoni” – Joanna

3 minuti qari

Joanna Rose, li ma tafx min hu l-missier bijoloġiku tagħha, għax hija wild ta’ donatur tal-isperma, qalet li hija tortura kbira li l-qraba ġenetiċi tiegħek ikunu separati minnek intenzjonalment.
Joanna, li ilha snin tbati biex tfittex ir-risposta dwar min huwa l-veru missierha, tinsab f’Malta għal diskussjoni dwar ir-riforma proposta fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, organizzata mil-Life Network Foundation.
Ma’ Newsbook.com.mt, Joanna qalet li l-kelma “donatur” tista’ tidher sempliċi u sabiħa imma fil-verità mhijiex.
“Tista’ ssejħilhom donaturi imma fl-aħħar mill-aħħar dawk huma n-nies li se tkun tixbah,” saħqet Rose li għandha dottorat f’dan is-suġġett.
Tkellmet mill-esperjenza tagħha u qalet li hi għandha indikazzjoni li missierha kien student mediku. Għalhekk saħqet li kull meta tiltaqa’ ma’ tabib ta’ ċertu età, jew tara persuna tixbaha, issaqsi lilha nnifisha jekk jistax ikun li dak huwa missierha jew xi ħadd jiġi minnha.
Saħqet li hi għandha mijiet ta’ aħwa mifruxa f’diversi familji li ma tafx fejn huma u ma tafx kif tista’ qatt tagħmel kuntatt magħhom.
“Mhux etiku li d-drittijiet tal-adulti jirbħu fuq tat-tfal”
Dwar kif twieġeb lil dawk il-koppji li ma jistgħux ikollhom it-tfal b’mod naturali, Joanne Rose qalet li huwa dritt uman u fl-aqwa interess tat-tfal li jkunu mrobbija mill-familja ġenetika tagħhom.
Kien hawnhekk li saħqet li l-interess tat-tfal għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Insistiet li mhux etiku li d-drittijiet tal-adulti jirbħu fuq dawk tat-tfal.
“Il-ġenerazzjonijiet ta’ għada ma jistgħux isemmgħu leħinhom”
Dwar id-dibattitu f’Malta, appellat lil kulħadd biex jirrifletti sew fuq il-konsegwenzi li l-kiri tal-ġuf jew inkella d-donazzjoni tal-isperma jista’ jkollhom fuq il-ħajja tat-tarbija.
Qalet li soċjetà faċli tiffoka biss fuq l-empatija ma’ dawk li ma jistax ikollhom tfal, jew inkella d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ jew saħansitra tkun trid tidher moderna u allura taċċetta kollox.
“Il-ġenerazzjonijiet ta’ għada mhux qegħdin hawn biex isemmgħu leħinhom,” saħqet Rose.
Kien għalhekk li qalet li huma l-istituzzjonijiet u l-Gvern li fl-aħħar mill-aħħar għandhom ir-responsabbilità li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal.
Qalet li jekk dan ma jseħħx, l-affarijiet jibdew deħlin ftit ftit iżda fl-aħħar mill-aħħar jaħarbu mill-kontroll u jbatu biss it-tfal.