Home Aħbarijiet Internazzjonali Trump jhedded lill-istazzjon NBC

Trump jhedded lill-istazzjon NBC

minuta qari

Il-President Amerikan Donald Trump qanqal il-possibiltà li jitneħħew il-liċenzji tax-xandir ta’ NBC News u stazzjonijiet oħra, wara rapporti xejn pożittivi dwaru.
In-network NBC spiċċat fil-mira tal-attakk ta’ Trump, wara li dan irrapporta li Trump irid iżid l-armi nukleari tal-pajjiż bi kważi għaxar darbiet.
Trump attakka r-rapport bħala “aħbar falza” u “invenzjoni pura.”
Fi tweet, Trump qal li “Bl-aħbarijiet foloz ħerġin minn NBC u stazzjonijiet tagħhom, f’liema punt hu adattat li nikkunsidraw il-liċenzji tagħhom? Ħażin għall-pajjiż!”
Meta aktar tard laqa’ l-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau f’Washington, il-President Amerikan ċaħad l-istorja tal-NBC.
Fi kliemu fil-Whilte House, “Huwa frankament diżgustanti l-mod kif il-midja tista’ tikteb li trid, u xi ħadd għandu jinvestiga.”
Mistoqsi jridx iżid l-armi nukleari, Trump qal li ddiskuta biss li jinżammu f’”kundizzjoni perfetta.”
Qal li l-pajjiż m’għandux bżonn iżid dawn l-armi b’għaxar darbiet, kif irrapporta l-NBC.