Home Aħbarijiet Voluntiera se jiġu rikonoxxuti nazzjonalment

Voluntiera se jiġu rikonoxxuti nazzjonalment

2 minuti qari

Tnieda l-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat 2017, li għas-seba’ sena konsekuttiva se jkun qed jippremja individwi li ġabu bidla fis-soċjetà bis-saħħa tax-xogħol volontarju tagħhom.
Il-premju tnieda lbieraħ mis-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontartji, Clifton Grima, flimkien mal-President tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Nathan Farrugia.
L-għan ta’ dal-premju f’livell nazzjonali hu li jagħti rikonoxximent wiesa’ lis-servizzi mill-voluntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità, joħloq kuxjenza dwar il-valuri eżemplari murija u jsib mudelli għal żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod aktar wiesa’, kif ukoll jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet importanti li saru f’diversi oqsma.
Il-premju jingħata lil voluntiera individwali li jkunu ikkontribwew f’kwalunkwe qasam, bħal dak soċjali, umanitarju, tas-saħħa, ekoloġiku, kulturali, edukattiv, u sportiv, fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li dal-premju jkompli ma’ tliet premjijiet oħra li huma l-Premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ, il-Premju għall-Organizzazzjoni Volontarja, u l-Premju għall-Volontarjat Korporattiv.
Is-sejħa għall-applikazzjoni fetħet ilbieraħ, u għandha sal-10 ta’ Novembru.
Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet issir fil-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat nhar il-5 ta’ Diċembru.
Ritratt: Arkivji u MEDE