“X’kienu qed jagħmlu tfajliet ta’ 13 u 15-il sena ġo club?”

2 minuti qari

Wara l-inċident tal-bieraħ f’Paceville, il-Gvern u l-Oppożizzjoni staqsew x’kienu qed jagħmlu tfajliet ta’ 13 u 15-il sena ġo club f’Paceville.
Waqt intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma riedx jidħol fid-dettalji tal-inċident għax l-inkjesta għadha għaddejja, iżda saħaq li hemm regolamenti dwar tfal f’postijiet ta’ divertiment.
“Dawn l-affarijiet jinkwetawni u jirrabjawni,” qal Joseph Muscat waqt li saħaq li l-Gvern se jkun qed jagħmel minn kollox biex dawn l-abbużi jiefqu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, f’intervista fuq Radio 101 qal li bħala missier dawn il-każijiet jinkwetawh.
“Jien missier u ibni l-kbir jiffrekwenta Paceville. Ma nistax norqod rasi mistrieħa naf bin-nuqqas ta’ sigurta’ fiż-żona,” qal Simon Busuttil.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami talab lill-Gvern jisgura li f’postijiet ta’ divertiment għandu jkun hemm sigurtà stretta u ma għandux jispiċċa post fejn wieħed jibża’ jmur.
Fenech Adami appella biex ikun hemm aktar pulizija stazzjonati f’Paceville u f’San Ġiljan. Saħaq ukoll li hemm bżonn taqsima tal-Rapid Intervention Unit ibbażat f’Paceville.