Home Aħbarijiet X’se jiġri f’Jum ir-Repubblika?

X’se jiġri f’Jum ir-Repubblika?

2 minuti qari

Għal sena oħra fost l-attivitajiet nazzjonali li se jittellgħu biex jitfakkar Jum ir-Repubblika se ssir il-parata f’Misraħ San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
Din l-attività se tibda fl-10am.
Qabel tibda se jkun hemm marċ mill-banda u l-kontinġenti tal-Forzi Armati ta’ Malta li jibda fid-9:30am minn Misraħ il-Ħelsien, quddiem il-bini tal-Parlament.
Din is-sena, waqt iċ-ċerimonja militari se jkun hemm il-parata magħrufa aħjar bħala Trooping the Presidential Colour.
Din il-parata tmur lura għal meta l-Kuluri tar-Reġiment kienu jipprovdu punt ta’ riferiment fejn jiltaqgħu t-truppi fuq kamp ta’ battalja.
F’din l-okkażjoni nhar l-Erbgħa l-Forzi Armati ta’ Malta se jfakkru Jum ir-Repubblika bit-trooping tal-Kulur Presidenzjali, ippreżentat mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca lill-Forzi Armati ta’ Malta fl-2014, u li jissimbolizza l-lealtà u d-devozzjoni tal-Forzi Armati lejn il-Kap tal-Istat u l-poplu Malti.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika, il-Kumitat Festi Nazzjonali se jorganizza wkoll żewġ programmi ta’ marċi fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta.
Nhar it-Tlieta se jsir ukoll marċ mill-banda Duke of Connaught’s Own Band ta’ Birkirkara fis-6pm. Filwaqt li nhar L-Erbgħa, is-Soċjetà Filarmonika tal-Belt Valletta se tieħu sehem b’marċ li jibda fl-4.30pm minn ħdejn il-bini tal-Parlament.