Xi jfissru dar-rapporti kollha?

    2 minuti qari

    Din il-ġimgħa ħareġ rapport fejn il-Kummissjoni tat ħarsa fil-fond lejn numru ta' pajjiżi biex tara jekk hemmx żbilanċi kbar fl-ekonomija tagħhom. Dwar Malta l-konklużjoni kienet li dan mhux il-każ. Xorta waħda hemm numru ta' aspetti li Malta trid toqgħod attenta għalihom – id-dejn pubbliku, is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet huma sfidi li jridu jiġu indirizzati biex ma jitrażżnu l-problemi li jistgħu jinħolqu fil-futur.

    Mill-banda l-oħra jidher li l-parti l-kbira tad-dejn ta' Malta huwa intern, jiġifieri mhux espost wisq għas-swieq finanzjarji internazzjonali. Dan ifisser li l-gvern Malti spiss jissellef mingħand il-Maltin stess (eżempju, permezz tal-bonds li jinħarġu). Il-banek, min-naħa tagħhom isellfu l-aktar lill-familji u negozji Maltin. Hekk, iċ-ċiklu jibqa' f'Malta stess.

    Ikun hemm mumenti fejn, trid u ma tridx, ikollok bżonn iddur dawra madwarek biex tara x'inti tonfoq, fejn qed imorru l-flus, u jekk hux qed tonfoq bil-għaqal biex tkun tista' tibqa' għaddej bl-istil ta' ħajja tiegħek. Ħaġa li jagħmilha kulħadd, le? L-istess jagħmlu l-pajjiżi fl-UE.

    Għidu l-verità, kemm-il darba tisimgħu lil min jikkwota minn rapporti li dejjem ħerġin minn  bnadi differenti? Daqqa mill-Bank Dinji, daqqa mill-credit rating agencies, daqqa mill-awtoritajiet tal-istatistika, u ħafna oħrajn. Fil-verità, dan it-tip ta' rappurtaġġ jintuża bħala kejl tas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiżi differenti. Il-Kummissjoni Ewropea hija fost dawk l-istituzzjonijiet li toħroġ numru ta' rapporti matul is-sena kollha. U tagħmel dan għax il-pajjiżi tal-UE inkarigawha li tkun l-'għassiesa' tal-kontijiet tagħhom stess. Speċjalment wara l-esperjenza tal-ekonomija f'dawn l-aħħar ftit snin.

    Dawn l-affarijiet ħafna drabi narawhom tekniċi u qajla jinteressawna wisq. Iżda huwa utli li nkunu nafu r-rwol li għandha l-UE f'dan kollu – rwol li jkunu qablu dwaru l-pajjiżi membri biex jiżguraw li jżommu d-dixxiplina fuqhom stess.

    Fl-aħħar mil-aħħar, ħadd ma jieħu pjaċir isib ruħu fixxa meta jkun tard wisq!

     

    Martin Bugelli

    Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta