Wara li aktar kmieni dan is-sajf il-kumpanija AX Hotels fetħet l-ewwel boutique hotel bl-isem The Saint John fil-Belt Valletta, id-Direttur tal-Ospitalità Claire Zammit Xuereb issa qed tħabbar li, flimkien mad-ditta internazzjonali Cessani, se tkun qed tniedi kollezzjoni ġdida ta' ċfuf għan-nisa.
Nhar il-Ġimgħa 29 ta' Settembru din il-kollaborazzjoni se toħloq spettaklu forma ta' Fashion Show fit-toroq, hekk imsemmija The Saint John Walk fejn il-pubbliku huwa mistieden jattendi.
Dawn iċ-ċfuf, maħluqa mid-disinjatriċi tal-moda ta' Cessani, Mary Grace Pisani, se jkunu għall-bejgħ esklussivament mingħand The Saint John.
Zammit Xuereb kellha kliem ta' tifħir fuq Pisani, u qalet li “hija ta' ispirazzjoni, mimlija enerġija u miftuħa għal ideat ġodda”. “It-tieni darba li ltqajt magħha, tkellimna dwar l-idea tiegħi li nixtieq nintroduċi ċfuf tal-moda għan-nisa. Bl-entużjażmu kollu fid-dinja hi qaltli ‘nixtieq ngħinek’”, kompliet tgħid.
Zammit Xuereb qalet li tara potenzjal u sinerġija bejn il-moda u l-ivvjaġġar.