Nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru se jittella’ spettaklu tal-moda mid-disinjatriċi u ħajjata VickyAnn Xuereb bil-għan li jinġabru fondi għad-Dar Ġużeppa Debono, ċentru li jipprovdi servizzi għal tfajliet tqal u ommijiet weħidhom.
L-ispettaklu se jsir fiċ-ċentru kulturali taċ-Ċittadella f’Għawdex bl-isem ‘Still I Rise’, ispirat mill-frażi famuża tal-kittieba Maya Angelou fejn tgħid li għalkemm wieħed jimxi ’l quddiem waħdu, iżda mbagħad iqum b’saħħa ta’ 10,000 persuna.
Il-messaġġ ewlieni ta’ dan l-ispettaklu huwa sabiex il-mara tingħata s-setgħa timxi ’l quddiem fil-ħajja, b’passjoni, mingħajr biża’ u b’saħħa, għax il-mara hi b’saħħitha.
VickyAnn qalet li l-idea tal-ispettaklu tal-moda ġiet waqt diskussjoni fuq il-mezzi tax-xandir fejn id-Direttriċi Maria Attard kienet stqarret magħha li d- Dar Ġużeppa Debono għandha bżonn assistenza finanzjarja sabiex tibqa’ għaddejja. “Mal-ewwel ġieni l-ħsieb li nagħmel xi ħaġa biex ngħin din il-kawża daqshekk ġusta. Iddeċidejt li nuża t-talenti tiegħi bħala disinjatriċi u ħajjata biex niġbru l-fondi”.