Mingħajr l-ebda dubju, ftit sigħat wara l-Baġit, il-gazzetti kollha qamu jgħidu tagħhom dwar dak li ħabbar il-Ministru għall-Finanzi. Kif wieħed jistenna, ir-reazzjonijiet kienu varji.
Fl-editorjal tagħha, il-gazzetta Times of Malta, tgħid li fil-Baġit il-Gvern ħabbar bidliet u aġġustamenti fini f’diversi oqsma u mekkaniżmi, iżda kien nieqes minn deċiżjonijiet iebsa u neċessarji. L-editur jinnota li l-Baġit ma ħabbar l-ebda proġett kbir u ddedika biss ftit paġni għas-saħħa u l-edukazzjoni. Fil-faċċata tagħha, l-istess gazzetta tikkwota lill-Ministru għall-Finanzi jgħid li dan huwa Baġit “għall-futur” u tippubblika wkoll suppliment speċjali li jagħti daqqa t’għajn lil dawk il-proposti ewlenin.
The Malta Independent tiftaħ il-ġurnal b’titlu li jispikka: “Mingħajr żieda jew taxxi ġodda”. L-editorjal jisħaq li ħafna drabi wieħed iħares lejn il-Baġit skont kif ikun se jolqtu direttament u għalhekk jiddeskrivi l-Baġit bħala wieħed tajjeb fl-oqsma kollha tiegħu. Fakkar li l-Gvern ma żied l-ebda taxxa fuq dawk il-prodotti li s-soltu jgħolli biex ikollu dħul, fosthom is-sigaretti u x-xorb alkoħoliku. L-editur huwa fiduċjuż li dan il-Baġit se jkompli jkabbar l-ekonomija.
Illum il-Malta Today ippubblikat edizzjoni speċjali u fil-faċċata tagħha tiftaħ bil-kelma “Surplus”, iżda tinnota wkoll kif il-Gvern irnexxielu jirreġistrah minn mindu beda jdaħħal il-flus mill-passaporti. L-editorjal jisħaq kif mhux il-Ministri kollha tal-finanzi għandhom “il-lussu” ta’ Scicluna li jippreżenta Baġit meta l-Gvern għandu surplus. Minkejja dan saħaq li l-Ministru Scicluna falla milli jispjega kif, skont l-estimi finanzjarji, il-Gvern irreġistra tnaqqis fil-fond konsolidat.
Il-General Workers Union kuntenta sew bil-Baġit u fil-faċċata tal-ġurnal tagħha, l-Orizzont, tgħid li l-Baġit hu mfassal fuq miżuri li se jkomplu jgħolli l-għajxien tal-poplu Malti, fl-istess waqt li jlesti pedamenti sodi għall-futur. L-editorjal tal-gazzetta jgħid li filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern ma għandux pjan, il-Baġit juri li l-amministrazzjoni Laburista qed tindirizza l-problemi kruċjali.
Min-naħa tagħha In-Nazzjon tiftaħ bi kliem Adrian Delia meta fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Baġit qal li l-Gvern ma għandux pjan u li l-Oppożizzjoni lesta tgħinu. Il-ġurnal jikkwota wkoll reazzjonijiet ta’ għadd ta’ entitajiet u jisħaq kif il-Gvern ma ħoloq l-ebda settur ġdid, ma ndirizzax il-problemi tal-għalliema, se jħalli kumpaniji jħallsu “l-ogħla” rata ta’ enerġija  fl-Unjoni Ewropea u li se jħalli lill-poplu mingħajr direzzjoni.

Ritratt: Ian Noel Pace