Id-diżinjatur Għawdxi Luke Azzopardi stqarr li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma kienx biss telfa għal-ġurnaliżmu, imma wkoll assassinju fuq il-kreattività.
Fuq Facebook Azzopardi kiteb kif dejjem ħass li l-istil kreattiv ta’ Daphne, manifestat fit-Taste & Flair, magażin lokali dwar l-ikel u l-lifestyle, kien xhieda tal-karattru tagħha daqskemm kien il-blogg.

Skont Azzopardi, kreattivament, Daphne kienet tirrappreżenta minn fejn ġejjijn aħna u f’liema direzzjoni għandna nimxu biex estetikament bħala pajjiż nevalwaw il-passat tagħna u nkomplu niżvilluppaw il-lingwa artistika.

Ma’ Newsbook.com.mtid-diżinjatur qal li “l-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia kien “mhux biss assassinju politku imma wkoll attakk fuq is-sbuħija, attakk faħxi fuq il-kultura, fuq l-edukazzjoni, fuq ir-romantiċiżmu u fuq dak kollu li suppost jagħmilna verament Ewropej”.

Hu żied jgħid li hawn nies li qed jiċċelebraw dan l-attakk faħxi u ppruvaw ipinġu stampa li dak li seħħ fih xi tip ta’ ġustifikazzjoni.

Semma fost l-oħrajn lill-Eks Membru Parlamentari Deborah Schembri, lill-istudenti li ma ħassewx li għandhom imorru l-velja fl-Università, u dawk li nhar it-Tnejn waqt il-velja f’Tas-Sliema kienu qed jiċċelebraw f’carcades.  Saħaq li dawn in-nies jirrappreżentaw dak kollu li hu ħażin fis-soċjetà Maltija.

Fi kliemu, din kienet “The classic witch hunt”.

Skont Azzopardi, Daphne kellha maturità artistika impekkabbli u kienet taħdem b’ċerta passjoni u emozzjoni li fix-xena tal-arti dekorattiva kontemporanja, din hija rarissima. Temm jgħid li “x-xogħol artistiku tagħha kien importanti daqs ix-xogħol politiku”.

Waqt li hi fil-blogg “ippruvat toħroġ il-verità dwar l-istat li l-pajjiż jinsab fih”, il-mod kif kienet tipproduċi dan il-magażin, li tiegħu kienet l-Editur, kien jixhed “stil ieħor ta’ politika; dik tat-tama, tat-twemmin f’dak li pajjiżna kapaċi joffri”.

Azzopardi fakkar fl-identità, sa ċertu punt moħbija ta’ Daphne Caruana Galizia billi xxerja l-paġna tal-Pinterest tagħha, fejn hi kienet iżżomm l-ispirazzjonijiet tagħha, b’mod organizzat għall-aħħar, fuq kollox li għandu x’jaqsam mal-arti, il-ħolm u l-kreattività.