Fi 15-il-siegħa ta' ġbir ta' fondi b'risq id-Dar tal-Providenza fil-maratona Festa ta’ Ġenerożità, bl-appoġġ ta' RTK, nġabret is-somma rekord ta' €1,255,269. 
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar.
Huwa wiegħed li dawn il-flus ser jissarfu f’aktar ħidma biex ir-residenti tad-Dar ikomplu jgawdu minn servizzi individwalizzati tal-għola kwalità li jiggarantixxu rispett sħiħ lejn id-dinjità u drittijiet tagħhom.  
Irringrazzja wkoll lill-awtoritajiet ċivili, reliġjużi u politiċi għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lil numru kbir ta’ voluntiera li taw is-sehem tagħhom biex għal darba oħra din il-maratona kienet suċċess.
L-ewwel żjara saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza.
Fost oħrajn, matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta u s-Sur Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, u l-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo u David Agius li rrappreżentaw lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Adrian Delia li jinsab imsiefer.
Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €34,300 mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi mogħtija minn aktar minn għadd ta’ artisti Malti u barranin.
Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali. Mid-Diocesi ta’ Ghawdex, ingabret is-somma ta’ €20,967.43. 
Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. Il-Maratona kienet trasmessa dirett fuq TVM, TVM2, ONE TV u NET TV.  Matul ix-xandira kien hemm spettaklu ta’ kant u żfin minn kantanti u żeffiena ewlenin.
 

Matul il-ġimgħa li għaddiet, Newsbook.com.mt tkellem ma’ diversi esperjenzi tal-persuni li jużaw is-servizzi li toffri din id-dar is-sena kollha, u anki tkellimna mal-familjari tagħhom.
Rajna kif laqgħet l-aħbar il-familja ta’ Noel meta qalulhom li binhom kellu d-down syndrome, u x’ħassew meta Noel mar id-Dar tal-Providenza.
Iltqajna wkoll ma’ Tonio, il-bniedem li mill-isfortuna ta’ ħajtu bena ħajja oħra u għaraf kwalitajiet ġodda dwar familtu, filwaqt li ma ħalliex id-delizzju tiegħu jiskappalu minn idejh.
Xi ngħidu għall-imħabba ta’ omm Joseph, li sabet lid-Dar tal-Providenza sostenn kbir meta ma setgħetx tieħu ħsieb aktar waħedha lil binha, li għandu l-awtiżmu, u lil żewġha wara għadd ta’ operazzjonijiet?
Iltqajna anki ma’ Christine, li mis-siġġu tar-roti tgħallmet modi ġodda kif taħfejn l-indipendenza ta’ ħajjitha, anki bil-għajnuna tad-dar.
U finalment, ħassejna l-kariżma ta’ Sor Gesuina, li rrakkuntat kif il-ħidma tagħha ma’ min juża s-servizzi fid-Dar tal-Providenza ġġegħelha tħossha żagħżugħa ta’ dejjem.