Is-sena 2018. Kaxxa magħluqa. Imma kulħadd ikollu dik ix-xewqa li jipprova jaqta’ fi 365 jum.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ persuni li bil-ħidma tagħhom, b’xi mod jew ieħor jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Direttur Caritas, Leonid McKay
“Fl-2018 qed nistennew żewġ dibattiti dwar l-użu “rikreazzjonali” tal-kannabis u l-kirjiet kummerċjali. Nisperaw li jkunu dibattiti miftuħa u sana ‘l bogħod mill-interessi ta’ xi wħud. Nisperaw li d-dibattitu fuq il-kannabis għall-użu rikreazzjonali jkun sensittiv għall-impatti li din is-sustanza tħalli mhux biss fuq l-individwu iżda wkoll il-familja u s-soċjetà tagħna: Iktar ħsara milli ġid.
Jalla wkoll ikollna politika soċjali li fost il-ħafna suġġetti ta’ importanza ssib ħin nitfgħu dawl fuq pjaga li ftit niddiskutu matul s-sena, ħlief f’Diċembru, l-iżolament soċjali: is-solitudni.
Bħala Caritas se nkunu qed niċċelebraw sena importanti: il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha – nħarsu ‘l quddiem biex niċċelebraw din is-sena importanti billi nniedu proġett li jgħaqqad flimkien is-servizzi li noffru fil-komunità u lill-komunità.”

Il-preżentatur u ġurnalist, Peppi Azzopardi 
“Waħda mill-ikbar xewqat tiegħi hi li l-poplu Malti ma jibqax iħares biss ‘il ġewwa, b’island mentality. Charity begins at home tapplika biss jekk inqisu d-dinja darna. L-atti ta’ karità ma jibdewx fid-djar, sakemm wieħed ma jqisx lid-dinja bħala daru u jitratta lil kulħadd l-istess. M’għandniex nagħmlu preferenzi jekk in-nies humiex Maltin, jew jekk humiex ġejjin minn pajjiżi tal-Ewropa jew l-Afrika. L-uġigħ tagħhom mhux daqstant differenti minn dak tal-Maltin.
Minkejja li ġew ikkundannati għal xi affarijiet li għamlu, dawk li qegħdin il-ħabs, xorta jibqgħu bnedmin. Kulħadd irid iżomm f’moħħu l i magħhom hemm familthom li qed tbati, inklużi n-nisa, l-irġiel u t-tfal tagħhom.”
Il-President tal-Police Officers’ Union, l-Ispettur Sandro Camilleri 
“Ix-xewqat tiegħi għall-Korp fl-2018 huma ħafna, iżda bħala President tal-Police Officers’ Union mingħajr dubju nixtieq li nkomplu niddiskutu u niffinalizzaw il-ftehim settorjali għall-Korp, liema ftehim settorjali jkun wieħed ta' suċċess għall-ġid tal-Korp u l-membri kollha tiegħu.”
Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia 
“Nixtieq li t-tmexxija ta’ Malta titnaddaf u taqbad it-triq tas-sostenibilità li tassigura poplu li jgħix aħjar, kuntent u fil-paċi, f’kull sens issa u fil-futur. Li wliedi jgawdu ferħ u kuntentizza f’ħajjithom.
Li t-tqassim tal-ġid fid-dinja jkun tali li ma jkunx hawn aktar nies bil-ġuħ.
Li jien insib aktar ħin biex naħseb u nikteb.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Sandro Chetcuti
“L-ewwel li ma nixtieq għas-sena 2018 hi li nerġa’ nara l-papà tiegħi jagħrafna u jkellimna wara li kien ilu l-ITU għal tliet ġimgħat sħaħ.
Dwar l-industrija tagħna, nixtieq li nara aktar ippjanar fit-tul u li ma jkunx hawn over supply.
Nixtieq nara titjib fl-infrastruttura u pjan fit-tul għat-traffiku.”
L-Editur tal-gazzetta Illum, Albert Gauci Cunningham
“Jiena nixtieq li l-ġurnaliżmu jkun l-ewwel u qabel kollox apprezzat u ma jittieħed qatt foregranted. Minkejja kull nuqqas min-naħa tagħna, il-ġurnaliżmu jibqa’ l-ikbar għodda li biha l-poplu b'mod kollettiv ikun jista' jgħasses lill-għassiesa. Il-ġurnalist għandu l-qawwa tal-pinna, tal-mistoqsija u tal-investigazzjoni biex juri dak li ħaddieħor ma jridx juri. Nixtieq, anzi nemmen, li wara l-2017 illi matulha nqatlet ġurnalista sirna llum iktar konxji dwar il-fraġilità tal-libertà u kemm hawn min ma jiddejjaq xejn jaħsad il-ħajja biex iwaqqaf messaġġ jew aħbar milli toħroġ.
Nixtieq, imma naf li se tibqa' biss xewqa, li parti mill-ġurnaliżmu lokali jinqata' darba għal dejjem mill-kuntatt dirett mal-politikanti. Meta ġurnalist jiddependi minn politiku u meta jkun dak il-politiku li jiddetta kif, meta u fejn għandha tintuża l-mistoqsija jew kif, meta u fejn għandek tinvestiga, allura dak il-ġurnalist ikun ridott għal skorfina fil-magna politika partiġġjana.
Finalment, nittama u nixtieq li dan il-poplu jibda jgħożż ftit iktar l-oġġettività, li jkun hu li jaħseb qabel jiddeċiedi, jixtarr qabel jasal għall-konklużjoni, li jkun poplu aktar meqjus meta jappoġġja miżura jew azzjoni, li jitlob aktar standards, mhux inqas.
Li fl-2018 naċettaw inqas dak li huwa medjokri, u iktar dak li huwa sewwa u xieraq. Jalla fl-2018 il-midja tibqa’ tkun gwida idonea biex isir dan.”
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli
“Ejja lkoll flimkien nagħmlu suċċess minn din is-sena tant importanti meta l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u nħeġġeġ lil kulħadd biex bħala riżoluzzjoni għall-2018, naħdmu biex inbiddlu lil dan il-pajjiż permezz ta’ qawmien kulturali ġdid.”
Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef
Nawgura li s-sena 2018 iġġib magħha aktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilità biex huma wkoll kif inhu dritt tagħhom ikunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lill-pajjiż bħal ħaddieħor.  Nawgura wkoll li bħala poplu nħarsu lejn id-differenza mhux bħala theddida, imma bħala xi ħaġa sabiħa li tagħmilna poplu aktar rikk.
Kull nofs siegħa se nkunu qed intellgħu persunalità oħra.
Tgħid min imissu?