Dimostranti favur il-Gvern fl-Iran talbuh biex jiddikjara l-piena tal-mewt lil kull min ikompli bil-protesti, li mill-Ħamis sal-lum ħonqu lill-pajjiż.
Il-protesti bdew il-Ħamis fil-belt ta’ Mashhad, u malajr infirxu sa Tehran, il-kapitali Iranjana.
In-nies bdew jimmiraw ir-rabja tagħhom lejn il-President tal-pajjiż, Hassan Rouhani, u madwar 52 persuna ġew arrestati l-Ħamis minħabba slowgans deskritti ħorox mill-gvern.                 
Il-midja internazzjonali qed tgħid li fl-Iran ma kienx hemm skuntentizza pubblika daqs din sa mill-2009, meta n-nies kienu pprotestaw għal aktar riformi.
Dakinhar in-nies kienu pprotestaw għax kien reġa’ tela’ fil-poter il-Gvern konservattiv ta’ Mahmud Ahmedinejad.
Sadanittant, eluf ta’ persuni li ma ħadux gost b’dawn il-protesti mmarċjaw bi bnadar tar-Repubblika Iżlamika u tal-mexxej spiritwali tagħha, l-Ayatollah Ali Khamenei.
Fost l-oħrajn kien hemm strixxuni jgħidu hekk, “Demmna hu rigal lill-mexxej spiritwali tagħna”, u “Mhux se nħalluh waħdu”.
Uħud mill-istrixxuni kienu jgħidu wkoll li hemm idejn moħbija wara din l-iskuntentizza fil-pajjiż, dawk tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit u ta’ Iżrael.

Il-Ġimgħa li għaddiet, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li n-nies mhux vera qed jipprotestaw minħabba l-għoli tal-ħajja, imma għax skontu, imxebbgħin bil-fatt li flushom qed jispiċċaw jitberbqu mill-istat biex jiffinanzja t-terroriżmu.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li sa issa minn tal-inqas 21 persuna mietu f’dawn il-protesti, inkluż żewġ membri tal-forżi tas-sigurtà.
F’Tehran waħedha ġew arrestati aktar minn 450 persuna, u mijiet oħra madwar il-pajjiż.