Kesħa, influwenza u riħ, x'inhu ġej f'Jannar? Din hi l-mistoqsija li ħafna qed jistaqsu wara rapport li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali li jgħid li t-temperaturi se jkunu ogħla mill-medja fil-jiem li ġejjin.
Għalkemm it-temperaturi se jkunu ħarira ogħla, madanakollu xorta se jibqa' l-ksieħ.
Skont is-sit FirstMalta fil-ġranet li ġejjin l-arja kiesħa li affettwat lill-Gżejjer Maltin fl-aħħar ġranet mistennija tinkiser minn arja b’temperaturi ogħla li se tilħaqna mill-Punent tal-Mediterran.
Is-sit qal li bħala medja t-temperaturi f’Malta f’Jannar jilħqu l-medja ta’ 15.6C (l-ogħla) u 9.9C (l-inqas) iżda t-temperaturi li qed nistennew fil-ġranet li ġejjin mistennija jaqbżu l-medja sew, bl-ogħla tilħaq l-20C u l-inqas 15C. L-istess sit avża li r-riħ qawwi se jippersisti sa nhar il-Ġimgħa b'qawwa ta' Forza 5 għal 6, b'waqtiet saħansitra sa Forza 7.
Dan it-temp u kesħa ma jagħmilx għajb għall-mard li qed idur bħalissa, b'mod partikolari l-influwenza, li din is-sena hi agħar mis-snin ta' qabel. Minħabba dan l-awtoritajiet qed jappellaw biex persuni vulnerabbli jieħdu l-prekawzjonijiet u sostnew l-importanza tal-mistrieħ u biex persuni vurnerabli jevitaw il-ksieħ. Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon stqarr mal-midja lokali li bħalissa l-isptar qed jinżammu madwar 43% tal-persuni li qed imorru l-emerġenza minħabba kumplikazzjonijiet kaġun tal-influwenza. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jappellaw biex f'dawn is-seba' ġimgħat li l-mikrobu tal-influwenza jkun l-aktar b'saħħtu l-membri tal-pubbliku jieħdu ħsieb: – Jaħslu jdejhom ta' spiss – Jekk huma morda jibqgħu d-dar jistrieħu – Jixorbu aktar – Jevitaw il-folol – Jgħattu ħalqhom meta jisogħlu jew jgħattsu.