Fl-aħħar sena, il-pickpocketing u serq mill-bajjiet fil-Mellieħa żdied b’rata mgħaġġla.
Minn statistika ppubblikata fl-aħħar ġimgħat fil-Parlament jidher li f'din il-lokalità, il-Pulizija tirċievi medja ta’ 190 każ ta’ serq fis-sena.
Sal-aħħar ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, il-Pulizija rċeviet 54 każ ta’ pickpocketing, kważi d-doppju ta’ dak irrappurtat fl-2016 meta f’sena waħda, il-Pulizija rċeviet 31 rapport.
Għall-ewwel 10 xhur tas-sena li għaddiet, is-serq fil-bajjiet żdied ukoll meta mqabbel mas-sena sħiħa tal-2016. Sa Ottubru, il-Pulizija rċeviet 26 rapport ta’ serq mill-bajjiet filwaqt li fis-sena 2016, il-Pulizija kellha 19-il każ.
Din l-istatistika ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għall-mistoqsija tal-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar, meta staqsa dwar ir-rapport ta’ serq li saru fid-distrett tiegħu.
San Pawl il-Baħar hija l-aktar lokalità li fiha jiġu rrappurtati serq f’dan id-distrett b’medja ta' 650 każ fis-sena, filwaqt li fin-Naxxar isiru medja ta’ 120 każ.