L-ewwel vittma għall-2018 fil-kunflitt li donnu ma jista’ jintemm qatt bejn Iżrael u l-Palestina huwa żagħżugħ Palestinjan li kien għad kellu biss 17-il sena.
Il-Ministru għas-Saħħa Palestinjan identifika liż-żagħżugħ bħala Musab Firas al-Tamimi, li spiċċa b’bullit f’għonqu fin-naħa ta’ fuq tax-Xatt tal-Punent fil-belt ta’ Ramallah.
L-inċident seħħ ilbieraħ.
Kelliem għall-ministeru qal lill-midja internazzjonali li t-tifel miet ftit wara l-isptar.
Sadanittant, it-Times of Israel irrappurtat li l-Armata Iżraeljana qalet li sparat fuq iż-żagħżugħ għax ħasbet li kellu arma fuqu u kien se jattakka xi uffiċjali Iżraeljani biha.
Madankollu ma ġiex ikkonfermat bl-eżattezza kellux arma jew le.
Inzerta li dan iż-żagħżugħ ġej mill-istess familja Tamimi, li hi magħrufa għar-reżistenza tagħha, u fost l-oħrajn il-forzi Iżraeljani ilhom jitfgħu l-ħabs u saħansitra joqtlu membri tal-istess familja, speċjalment waqt interventi meta membri tal-familja kienu qed ikunu jipprotestaw b’mod sielem u mingħajr armi.
Ġimagħtejn ilu, membru ieħor tal-familja, tifla ta’ 16-il sena, Ahed Salimi, spiċċat arrestata wara li dehret f’filmat miġbud tagħti daqqa ta’ ħarta lil suldat Iżraeljan wara li dan allegatament spara bullit tal-gomma f’wiċċ kuġintha li għandha 15-il sena.