Il-Beatu Pawlu VI jista’ jkun dikjarat qaddis din is-sena, probabbli waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet skont kif rappurtat fil-gazzetta “La Voce del Popolo”. Is-Sinodu tal-Isqfijiet hi istituzzjoni li Papa Pawlu VI kien reġa’ waqqaf wara l-Konċilju Vatikan II.
Il-gazzetta li toħroġ fi Brescia, l-Italja, li tagħha l-Arċidjoċesi li tagħha Mons. Montini kien Arċisqof irrappurtat li kemm il-Kummissjoni Medika kif ukoll il-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin it-tnejn taw parir pożittiv dwar fejqan li jista’ jkun il-miraklu meħtieġ biex issir il-kanoniżazzjoni.
Il-Kardinali u l-Isqfijiet membri tal-imsemmija Kongregazzjoni għad iridu jivvutaw biex ikun rikonoxxut il-miraklu u mbagħad anke l-Papa Franġisku jkun irid jirrikonoxxih qabel ma jsejjaħ Konċistorju biex tkun approvata formalment il-kanoniżazzjoni.
Iżda l-gazzetta qed tinsisti li “l-2018 se tkun is-sena ta’ San Pawlu VI”. Din l-asserzjoni bi bażata fuq il-fatt li f’dan il-każ qed jittieħdu passi mgħaġġla fil-proċess kif ukoll hemm għajdut qawwija li d-data hi fil-qrib.
Il-Kummissjoni Teoloġika ltaqgħet u rrikonoxxiet l-interċessjoni tal-Beatu Pawlu VI fil-fejqan ta’ tarbija qabel twieldet li eventwalment twieldet b’saħħitha.  Omm it-tarbija li t-tobba kienu qalulha li kellha riskju kbir li tkorri fit-tqala utitlef it-tarbija, talbet l-interċessjoni tal-imsemmi Papa ftit jiem biss qabel kien dikjarat Beatu fl-2014.
“La Voce del Popolo” qalet illi li l-kanoniżazzjoni ssir matul din is-sena hi aktar minn tama. Ix-xahar ta’ Ottubru jista’ jkun l-aħjar xahar billi matulu, bejn it-2 u t-28 tax-xahar, l-Isqfijiet se jiltaqgħu f’Ruma biex jiddiskuta t-tema taż-Żgħażagħ u l-vokazzjonijiet.
X’okkażżjoni aħjar hemm minn din biex ikun kanoniżżat quddiem tant numru kbir ta’ Isqfijiet, it-tieni Papa tal-Konċilju Vatikan II ?, staqsa l-ġurnal.  Il-Papa Ġwanni Pawlu XXIII li kien fetaħ il-Konċilju Vatikan II u ppresieda fl-ewwel sessjoni tiegħu kien ġie dikjarat qaddis fl-2014.
Il-Papa Pawlu VI kien is-suċċessur tiegħu fl-1963, ippresiedi l-aħħar tliet sessjonijiet tal-Konċilju u beda jimplimenta d-deċiżjonijiet meħuda fih.  Hu miet fl-1978 fl-eta’ ta’ 80 sena.