F’Għawdex se tittella’ l-produzzjoni live b’kast Malti ta’ Jesus Christ Superstar fit-Teatru Astra.
Din il-produzzjoni, li ser tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tat-Teatru Astra, u qed tiġi mhejjuna mill-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni Valletta 2018.
Il-musical live se jkun taħt id-direzzjoni artistika ta’ Hugh Wooldridge, ta’ fama internazzjonali, li hu meqjus bħala veteran f’dan il-qasam, fejn matul il-karriera tiegħu kkollabora bis-sħiħ ma’ ismijiet ta’ fama dinjija, bħal Andrew Lloyd Webber u Tim Rice.
Mro Sigmund Mifsud se jidderieġi mużikalment din il-produzzjoni.
Il-musical ta’ din is-sena Jesus Christ Superstar se jkollu laqta ta’ talent internazzjonali. L-esperjenza li jġorr miegħu Hugh Wooldrige żgur ser tgħolli aktar il-livell ta’ din il-produzzjoni. Fi żjara li għamel f’pajjiżna ftit tal-ġranet ilu, Woodridge qal li l-musical Jesus Christ Superstar jittratta l-aħħar sebat ijiem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, imma kif jidhru mill-perspettiva ta’ Ġuda l-Iskarjota.
Ir-rwol ta’ Ġesù ser ikun interpretat mill-attur u kantant ċelebri Amerikan, David Michael Johnson. Johnson ħa sehem f’diversi produzzjonijiet fi Broadway, kif ukoll huwa residenti regolari f’Radio City Music Hall fi New York.
Il-parti ta’ Ġuda l-Iskarjota ser tkun interpretata mill-kantant popolari lokali Chris Grech filwaqt li Rachel Fabri ser tkun qed tinterpreta l-parti importanti ta’ Marija ta’ Magdala.
Roger Tirazona ser ikun qed jinterpreta l-parti ta’ Pilatu. L-artist żagħżugħ Għawdxi Remy Azzopardi ser ikun qed jinterpreta l-parti ta’ Pietru, filwaqt li l-attur popolari Malti Christopher Dingli ser jinterpreta l-parti tas-Sultan Erodi.
Atturi oħrajn lokali li ser ikunu qed jieħdu sehem f’din il-produzzjoni mużikali huma Wallace Camilleri (Anna), il-baritonu Noel Galea (Kajfa), u Fabian Galea li se jinterpreta l-parti ta’ wieħed mill-qassisin Lhud.
Żewġ rappreżentazzjonijiet huma skedati li jsiru nhar is-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018. Biljetti jinkisbu minn www.ticketline.com.mt