L-atleta Malti Gerald DeGaetano miet fl-età ta’ 53 sena.
Degaetano jibqa’ magħruf bħala atleta tad-distanzi twal u medji, f'liema dixxiplini kien kiser ukoll xi rekords nazzjonali.
Huwa kien l-ewwel Malti li rebaħ midalja fil-GSSE fl-atletika fl-1989. Huwa ħa sehem fi tliet edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Ewropa fl-1987, fl-1989, u fl-1991.
​Fl-aħħar snin huwa kien qed jipprattika l-kayaking.
Il-PN isellem il-memorja tal-atleta Gerald DeGaetano
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab imnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Gerald DeGaetano, li sar l-ewwel rebbieħ ta’ medalja tal-bronż fl-atletika fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Il-PN esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ DeGaetano.
Il-Gvern isellem il-memorja tal-atleta Gerald DeGaetano
F’isem il-Gvern Malti, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-atleta filwaqt li qal li se jibqa’ mfakkar mhux biss għas-suċċessi li kiseb iżda anke għas-serjetà li dejjem wera u tal-eżempju li dejjem ta lill-atleti żgħażagħ.