Qarrejja ġibdu l-attenzjoni ta’ Newsbook.com.mt dwar paġna fuq Facebook li l-għan tagħha huwa li twissi lis-sewwieqa dwar ir-roadblocks li jkunu qed jagħmlu l-Pulizija.
Newsbook.com.mt sab din il-paġna, li tagħti l-opportunità lill-membri tagħha jwissu lil xulxin (kif jidher mill-iscreenshots) dwar fejn ikunu r-roadblocks tal-Pulizija.
Fi ġranet partikolari, fosthom anke lejlet l-ewwel tas-sena, kienet il-paġna stess li minn qabel pprovdiet lista ta’ fejn se jkun hemm ir-roadblocks.
Il-qarrejja staqsew jekk dan hux reat u jekk il-paġna hux qed ixxekkel lill-Pulizija fil-ħidma tagħhom kontra s-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u anke d-droga.
Permezz ta’ din il-paġna sewwieq faċilment jista’ jagħżel toroq alternattivi, jiffranka xi erba’ punti u xi ċitazzjoni.
Dwar dan, Newsbook.com.mt bagħat għadd ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija jistaqsi jekk hux infurmati b’din il-paġna, x’passi jistgħu jittieħdu u jekk din il-paġna hux qed ixxekkilhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Sal-ħin tal-publikazzjoni, Newsbook.com.mt kien għadu ma rċeviex risposti mill-Pulizija.
Fl-ewwel lejl tas-sena, il-pulizija ma sabu l-ebda persuna li kienet qed issuq vettura taħt l-effett tal-alkoħol. B’kollox twaqqfu 1,800 vettura.