S’issa Malta ġabret €6.3 miljun f’taxxi li ma kinux qed jitħallsu, bħala parti mill-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, li fetaħ għajnejn id-dinja dwar il-modi kif sinjuruni jaħbu flushom biex ma jħallsux taxxa.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju tat-Taxxi f’Malta, qal li s-€6,306,815 li nġabru f’Malta huma parti mill-€420 miljun li nkisbu lura minn awtoritajiet tat-taxxi madwar id-dinja.
Żied jispjega li minn dawn, €2,895,210 kienu interessi u multi fuq nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' taxxa fuq id-dħul.
Ix-xahar li għadda, il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) kien żvela li Spanja waħedha ġabret mal-€100 miljun f’taxxi li kienu qed jaħarbulha minn idejha.
Mill-pajjiżi msemmija fil-Panama Papers, 15 minnhom mifruxa fuq tliet kontinenti, ikkummentaw pubblikament fuq kif l-awtoritajiet tat-taxxa f’kull pajjiż qed jiksbu lura dak li tilfu.
Fl-2017, is-sidien ta’ Mossack Fonseca, il-kumpanija li kienet tipprovdi biex jinħolqu l-kumpaniji offshore fil-Panama, Ramón Fonseca u Jürgen Mossack, ġew arrestati minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus fil-Brażil.
Kien f’April 2016 li l-ICIJ flimkien ma’ aktar minn 100 kamra tal-aħbarijiet, ippubblika l-Panama Papers, dik li titqies bħala l-akbar investigazzjoni ġurnalistika tal-istorja.
Meta d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku, Malta kellha 714-il kumpanija msemmija, jiġifieri t-tmien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Ir-rivelazzjonijiet f’dawn id-dokumenti messew lil Malta mill-qrib, bil-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinstab li kellhom dawn it-tip ta’ kumpaniji fil-Panama minn trusts fi New Zealand.
Dak żvelat wassal ukoll għal ħames inkjesti maġisterjali f’Malta, fost l-oħrajn fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi.
Twaqqaf ukoll il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinvestiga l-Panama Papers.