It-Tnejn filgħodu qomna nħarsu lejn il-paġni ta’ Twitter, Facebook, Instagram u oħrajn, mimlija ritratti ta’ nisa (u xi rġiel) liebsa ħwejjeġ suwed. Kien hemm xi funeral? Ġrat xi traġedja? Mhux eżatt, iżda iva, ma kinitx kumbinazzjoni. 
Għall-75 edizzjoni tal-Golden Globes, serata li tippremja lil dawk li jaħdmu fil-films u fis-serje televiżivi Amerikani, ħafna mill-mistednin libsu lbies iswed, in-nisa b’ilbiesi evening fi stili varji u rajna wkoll xi rġiel bl-ingravata sewda. 
L-iskop kien sabiex iwasslu l-messaġġ li wasal iż-żmien li n-nisa jqumu kontra l-abbuż sesswali mis-sess oppost. Dan partikolarment wara l-iskandlu ta’ Harvey Weinstein fejn ħarġu għexieren ta’ nisa jakkużawh li abbużahom sesswalment. 
Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew tnediet il-kampanja “Time is Up” – messaġġ b’saħħtu min-nisa li wasal iż-żmien li ma joqogħdux aktar kwieta fid-dawl ta’ dan l-abbuż. Dawn il-kliem ħarġu wkoll aktar fil-beraħ meta l-preżentatriċi famuża Oprah Winfrey tenniet dan l-istess messaġġ waqt id-diskors tagħha meta aċċettat il-premju Cecil B. DeMille lifetime achievement award. 
Din qalet li qed tispera li dalwaqt jasal jum ġdid fejn ħadd aktar ma jgħid “anke jien” – żmien fejn l-ebda mara ma jkollha għalfejn tgħid anke jien ġejt abbużata minn raġel għax l-abbuż sesswali fuq in-nisa jkun waqaf.  
Taħseb li l-abbuż sesswali fuq in-nisa se jintemm daqshekk malajr? Iktbilna l-opinjoni tiegħek fil-kummenti hawn taħt.