Ħafna drabi nisimgħu l-espressjoni “t-tfal tal-lum…” u normalment tkompli b’xi rimarka negattiva. Imma veru li t-tfal tal-lum huma differenti minn tal-passat? 
Skont diversi studji dwar it-trobbija tat-tfal, jidher li l-ġenituri tal-lum qed jagħmlu l-affarijiet differenti ħafna milli kienu jagħmluhom il-ġenituri tagħhom. Iżda soċjoloġikament, id-dinja nbidlet xi ftit mhux ħażin minn dik ta’ meta l-ġenituri tagħna kienu qegħdin irabbu. Ara kif: 
1. Il-ġenituri tal-lum jistaqsu lil Google għal pariri 
Illum il-ġurnata, Google sar in-nanna jew il-ġar fejn jidħlu pariri fuq it-trobbija. Illum meta omm tiġi bejn ħaltejn x’għandha tagħmel, iżżur xi sit fuq l-internet jew il-paġna tal-Facebook Maltija ‘Fun Lovin Mums’ jew 'Ommijiet ngħidu kelma flimkien'. Skont esperti, il-vantaġġ hu li llum l-omm kapaċi ssir taf ħafnn aktar fuq it-tifel jew it-tifla tagħha, iżda taf tħossha wkoll xi ftit konfuża bl-informazzjoni kollha (xi kultant kunfliġġenti) li ssib fuq l-internet. 
2. Il-ġenituri tal-lum jiddokumentaw kollox fuq il-midja soċjali
Jekk għamilt festin tal-birthday tat-tifla, jekk qalgħet l-ewwel sinna jew kellha l-ewwel jum tal-iskola, ħafna drabi l-ġenituri tal-lum jiddokumentaw kollox fuq il-midja soċjali, bil-għan li jkunu jistgħu jġeddu l-memorji kultant żmien u anke sabiex jaqsmu ma’ sħabhom dak li hu għaddej f’ħajjithom. 
Xi ġenituri jiddeċiedu wkoll li jivvintaw hashtag għat-tifel jew it-tifla tagħhom, kif ukoll jiftħu paġna ddedikata għalihom. Min-naħa l-oħra, hemm ukoll dawk il-ġenituri li ma jurux wiċċ binhom jew binthom għal raġunijiet ta’ sigurtà. 
3. Il-ġenituri tal-lum għandhom aktar sfidi finanzjarji 
Fejn il-passat it-tfal kienu jikkuntentaw f’ġugarell wieħed, illum it-tfal saru jfittxu l-logħob diġitali fuq it-tablets, kif ukoll varjetà ta’ ġugarelli fil-playroom tagħhom. Fl-istess waqt, qabel ma kienx hawn ditti fuq kollox mill-ħwejjeġ sal-lapsijiet u l-basket tal-iskola bħal-lum. Nistgħu ngħidu wkoll li l-pressjoni biex wieħed ikun liebes l-aħjar u/jew ikollu l-aqwa ġugarelli dejjem qed tiżdied. 

Taħseb li din id-differenza hija reali? Kemm qed taffettwa t-tfal tal-lum? Għidilna fil-kummenti hawn taħt.